Left arrow Mur Lura

IL-MINISTRU GĦALL-EDUKAZZJONI U X-XOGĦOL EVARIST BARTOLO U S-SINJURA MICHELLE MUSCAT JIPPREŻENTAW ĊERTIFIKATI WAQT L-‘ETC JOB BRIDGE GRADUATION’

pr140558
Date Icon 22/03/2014

Sitt żgħażagħ ħadu sehem fl-iskema ’Job Bridge’ bl-iskop li jingħata t-taħriġ neċessarju biex persuni b’diżabiltà intelletwali jkunu jistgħu jsibu xogħol.

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo u s-Sinjura Michelle Muscat ippreżentaw ċertifikati lil sitt żgħażagħ b’diżabbiltà intelletwali wara li temmew il-programm ‘Job Bridge’ tal-ETC, liema programm jipprepara aħjar lil persuni b’diżabbiltà sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol.

‘Job Bridge’ huwa programm imfassal apposta għal persuni b’diżabbiltà intelletwali sabiex jippreparahom għar-realtajiet u l-isfidi tad-dinja tax-xogħol. Matul il-programm, li hu mifrux fuq sena sħiħa, il-parteċipanti jingħataw taħriġ bażiku dwar life skills u l-imġieba li persuna jrid ikollha fuq il-post tax-xogħol. Ħafna drabi dawn il-ħiliet bażiċi jkunu nieqsa f’persuni b’diżabbiltà intelletwali u għalhekk tkun diffiċli għalihom biex jgħixu ħajja indipendenti u biex isibu impjieg.

Il-programm jgħin lill-parteċipanti wkoll fl-istima personali u fil-komunikazzjoni ma’ ħaddieħor. Filfatt il-programm huwa immirat biex il-parteċipanti jiksbu ħiliet relatati mal-impjieg, mal-aspett soċjali, u mal-għixien ta’ ħajja indipendenti.

L-aktar komponenti importanti f’dan il-programm huma ż-żjarat fuq postijiet tax-xogħol differenti u l-esperjenza ta’ impjieg fuq post reali tax-xogħol. Dawn l-esperjenzi jgħinu lill-parteċipanti biex jitgħallmu dwar x’jirrikjedi minnhom impjieg. Dan jgħin ħafna wkoll fl-integrazzjoni ta’ dawn l-individwi fid-dinja tax-xogħol.

Il-Ministru Evarist Bartolo semma l-importanza li jkonna soċjetà inklusiva fejn iż-żgħażagħ kollha jingħataw iċ-ċans li jirnexxu. Is-Sinjura Muscat semmet kemm hu importanti li dawk li jħaddmu jagħtu iċ-ċans lil dawn iż-żgħażagħ juru l-kapaċitajiet tagħhom fid-dinja tax-xogħol. Hija qalet li s-settur privat għandu rwol importanti f'dan il-qasam u li xogħol għal dawn iż-żgħażagħ ma tfissirx biss li juru l-ħiliet tagħhom iżda li jgħixu ħajja indipendenti u ta' sodisfazzjon.

Iċ-Chairman tal-ETC, is-Sur Alfred Grixti qal li dan kien proġett pilota li kien suċċess. Huwa qal li għalhekk, l-ETC kienet se tkompli tibni fuq dan is-suċċess billi tagħmel żewġ affarijiet u, permezz ta’ fondi tal-UE, ġew ingaġġati tmien job coaches minflok erba’. L-għadd ta’ persuni b’diżabbilta li kienu se jibdew dan it-taħriġ se jitla’ minn sitta għal 19.

Barra minn hekk, dawk li jkunu lesti biex joħorġu fid-dinja tax-xogħol qabel tmiem it-taħriġ se jinstabilhom placement ħalli jibdew it-taħriġ dawk li wrew ix-xewqa li jissieħbu fil-programm ‘Job Bridge’.

Alfred Grixti ħabbar ukoll li għaddejjin taħdidiet ma’ kumpanija privata li se tiftaħ faċilita ta’ back office f’Għawdex biex dan ix-xogħol isir minn persuni b’abbilitajiet differenti.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow