Left arrow Mur Lura

IL-PRESIDENT GEORGE ABELA U L-MINISTRU TAL-AFFARIJIET BARRANIN GEORGE W VELLA F'LAQGĦA MAS-SEGRETARJU TAL-ISTAT TAL-VATIKAN IL-KARDINAL PIETRO PAROLIN

pr140556
Date Icon 22/03/2014

L-Eċċellenza Tiegħu l-President George Abela, flimkien mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin it-Tabib George W Vella, kellhom laqgħa fil-Vatikan mas-Segretarju tal-Istat il-Kardinal Pietro Parolin, li kien akkumpanjat mis-Segretarju għar-Relazzjonijiet mal-Istati, l-Arċisqof Dominique Mamberti.

Iż-żewġ naħat qablu li r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Vatikan huma tajbin ħafna. In-naħa Maltija rrimarkat li filwaqt li Malta bħala stat lajk trid tagħti spazju u tħares id-drittijiet ta’ kulħadd u li fiż-żmien tal-lum huwa diffiċli li tikkonserva l-istruttura tal-familja tradizzjonali, il-Gvern Malti qed jagħmel dak kollu possibbli biex iħares il-familja Maltija, li għad għandha għeruq sodi.

L-E.T. Il-President Abela rrefera wkoll għall-kwistjoni tal-immigrazzjoni irregolari, u qal li Malta ma għandhiex il-kapaċità li tkompli ġġorr piż sproporzjonat għad-daqs tagħha u għaldaqstant għandu jkun hemm responsibility sharing mill-pajjiżi Ewropej. Il-Ministru Vella irrimarka illi waqt li l-pajjiżi Ewropej għandhom il-problemi tagħhom bl-immigrazzjoni irregolari, Malta tistenna li l-wegħdiet li saru fil-Kunsill Ewropew speċjalment wara li ġie ppreżentat ir-rapport tat-Task Force għall-Mediterran li kien waqqaf dan l-istess Kunsill, jitwettqu. Il-Kardinal Parolin, li wera interess f’din il-kwistjoni, semma li idealment il-problema tkun indirizzata fis-sors tagħha.

Kienet ittrattata wkoll il-kwistjoni tal-abort, fejn il-Ministru Vella saħaq li Malta dejjem tagħmel il-pożizzjoni tagħha kontra l-abort ċara fl-organizzazzjonijiet internazzjonali meta tkun diskussa t-tema tas-Sexual and Reproductive Health Rights. Is-Segretarju tal-Istat għaraf li Malta tkun taħt pressjoni qawwija minn diversi stati f’dan ir-rigward, iżda talab lill-Gvern Malti biex ikompli jgħin u jsostni l-pożizzjoni tas-Santa Sede meta din il-kwistjoni titqajjem fil-fora internazzjonali.

Ġie diskuss wkoll id-dħul tad-divorzju fl-2011, fejn in-naħa Maltija spjegat li din kienet kwistjoni ċivili u waqt li Malta tifhem il-pożizzjoni tal-Knisja, kellha wkoll tieħu ħsieb ta’ tant familji li kienu tkissru u anki ta’ dawk li mhumiex kattoliċi. Iż-żewġ naħat irreferew ukoll għall-ftehim riċenti li laħqu fuq iż-żwiġijiet, li bih tneħħiet is-supremazija tat-Tribunal Ekkleżjastiku fuq il-Qrati Maltin u nnutaw l-ispirtu ta’ komprensjoni u koperazzjoni li wrew iż-żewġ naħat fid-diskussjonijiet u li kienu strumentali biex intlaħaq ftehim daqshekk malajr.

Il-Kardinal Parolin, filwaqt li rrikonoxxa li s-sitwazzjoni f’pajjiż tevolvi, awgura li Malta tibqa’ żżomm l-għeruq Kristjana tagħha. L-E.T. Il-President Abela assigura lis-Segretarju tal-Istat li l-Maltin jagħmlu ħafna xogħol anki f’pajjiżi fejn il-Kristjani qegħdin f’minoranza u rrefera għal diversi proġetti li saru permezz tal-Overseas Development Assistance. Il-Ministru Vella semma’ li l-Gvern fil-programm elettorali tiegħu huwa kommess li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tajbin mal-Knisja u anki il-wegħdiet li kienu saru fil-qasam tal-edukazzjoni f’dik li hija koperazzjoni bejn l-Istat u l-Knisja.

Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll is-sitwazzjoni fl-Afrika ta’ fuq, partikolarment fil-Libja u t-Tuneżija.

Il-Kardinal Parolin awgura lill-President Abela u rringrazzjah għaż-żjara li għamel fil-Vatikan.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow