FOCUS GROUP BIEX IKUNU MMASSIMIZZATI L-OPPORTUNITAJIET KUMMERĊJALI FIL-QATAR – IL-MINISTRU CARDONA
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona, issokta bl-impenji tiegħu fil-Lvant Nofsani, fejn illum kellu laqgħa mal-Ministru tal-Ekonomija u Kummerċ, Sheikh Ahmad bin Jassim bin Mohammad Al Thani.
F’din il-laqgħa, il-Ministru Cardona tkellem dwar l-istrateġija ekonomika li qiegħed jaddotta dan il-Gvern u kif din diġà bdiet tħalli effetti pożittivi, li mhux biss kienu rikonoxxuti minn diversi aġenziji ta’ kreditu internazzjonali imma wkoll mill-Kummissjoni Ewropea.
“Il-Gvern Malti jħares lejn il-Qatar bħala pajjiż b’opportunitajiet kbar ta’ investiment. Għalhekk il-Gvern Malti se jkun qed jara li jinħatar focus group biex ikun assigurat li l-intrapriża lokali ma titlifx dawn l-opportunitajiet, waqt li jkunu attirati lejn Malta aktar Kumpaniji mill-Qatar li huma lesti jinvestu” sostna l-Ministru Chris Cardona.
Il-Ministru Cardona qiegħed imexxi delegazzjoni komposta minn negozjanti Maltin u rappreżentanti ta’ aġenziji governattivi u korpi kostitwiti, bil-għan li jinġieb aktar investiment u jinħoloq aktar xogħol ta’ kwalità f’Malta.
Il-Ministru Cardona kellu wkoll laqgħa pożittiva mal-bord tal-Qatari Business Association, fejn iċ-Chairman tal-bord, Sheikh Faisal bin Qassim Al-Thani, esprima interess li jiftaħ rappreżentanza f’Malta.
Id-delegazzjoni Maltija kellha wkoll laqgħat mal-Kamra tal-Kummerċ tal-Qatar, mal-Qinvest u mal-Qatar Financial Center Authority. Dawn il-laqgħat servew ukoll biex isiru preżentazzjonijiet mid-delegazzjoni Maltija fosthom mir-rappreżentant ta’ Malta Enterprise is-Sur Mario Galea, miċ-Chairman ta’ Finance Malta, is-Sur Kenneth Farrugia kif ukoll mir-rappreżentant tal-Kamra tal-Kummerċ, Industrija u Intrapriża ta’ Malta, is-Sur Tonio Casa Pinta.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en