ĦLAS LURA LIL MIN XTARA VETTURA GĦALL-UŻU PERSONALI BEJN MEJJU 2004 U DIĊEMBRU 2008
L-ewwel ħlas jibda mit-tieni ġimgħa ta’ Mejju
Mit-tieni ġimgħa ta’ Mejju li ġej, dawk li ħallsu flus żejda fuq vetturi reġistrati u liċenzjati għall-użu personali li nxtraw bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u l-31 ta’ Diċembru tal-2008, se jibdew jingħataw parti mill-flus lura, grazzi għal wegħda elettorali li saret minn dan il-Gvern.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura l-Onor. Joe Mizzi ħabbar li sal-lum, Transport Malta rċeviet mad-9,500 applikazzjoni u vvalidat aktar minn 7,000 applikazzjoni. Huwa appella li kull min jaħseb li huwa eleġibbli għal din l-iskema, biex japplika sat-28 ta’ Marzu li ġej, filwaqt li fakkar li wara reviżjoni li saret fl-iskema, f’każ ta’ vetturi rreġistrati minn persuni li ġew neqsin, il-werrieta issa jistgħu japplikaw f’isimhom.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li dan huwa Gvern li jaħdem, li jwettaq dak li jwiegħed u li jagħmel ġustizzja mal-poplu. Qal li l-konsumatur se jieħu dak li ħaqqu. Il-Ministru qal li dik li kienet imsejħa bħala wegħda falza illum qiegħda ssir realtà u l-Oppożizzjoni, fejn qabel dejjem injorat lil dawk kollha li ngidmu permezz ta’ ħlas żejjed, illum qed titlob l-informazzjoni fil-Parlament, dwar kif se tkun qed titħaddem din l-iskema.
L-iskema tapplika għall-ewwel sid reġistrat tal-vettura, irrispettivament jekk il-vettura tkunx għadha fil-pussess tiegħu jew tagħha meta ssir l-applikazzjoni u hija miftuħa għal vetturi ġodda kif ukoll użati, u dawk mixtrija jew importati kemm mill-Ewropa kif wkoll minn barra l-Ewropa.
Il-ħlas se jkun mifrux fuq is-seba’ snin li ġejjin. Dawk li mhumiex eliġibbli se jiġu notifikati permezz ta’ ittra.
Applikazzjonijiet jinkisbu mill-Kunsilli Lokali, Ministeri jew mill-websajt ta’ Transport Malta.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en