Left arrow Go Back

IL-MINISTRU GĦALL-IŻVILUPP SOSTENIBBLI, L-AMBJENT U T-TIBDIL FIL-KLIMA LEO BRINCAT WAQT L-EWWEL LAQGĦA UFFIĊJALI TAL-ISTAKEHOLDERS GROUP DWAR IT-TĦADDIM TAL-WASTE MANAGEMENT PLAN

pr140525
Date Icon 19/03/2014

Fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart: Gvern li jaħdem u li huwa wkoll dejjem lest biex jisma’.

Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat meta llum laqqa’ għall-ewwel darba uffiċjalment l-iStakeholders Group li huwa ħatar fuq livell konsultattiv fit-tħaddim tal-Pjan u l-Istrateġija dwar l-Immaniġġjar tal-Iskart, li ġew approvati mill-Kabinett ftit tal-ġimgħat ilu.

Il-Kumitat ta’ erbatax-il ruħ, jinkludi fih rappreżentanti minn diversi entitajiet f’pajjiżna. L-għażla saret minn fost dawk l-għaqdiet li l-aktar taw kontribut dirett fit-tfassil tal-Pjan u li ressqu l-aktar suġġerimenti prattiċi għall-ġejjieni. Il-membri ntgħażlu minn fost l-għaqdiet u organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw u huwa l-ħsieb tal-Gvern li dan il-Kumitat purament konsultattiv jibda jitlaqqa’ perjodikament fuq medja ta’ darba kull xahrejn ħalli l-Gvern ikun jista’ jikkunsidra suġġerimenti li jista’ jkollhom fit-tħaddim tal-Pjan innifsu flok ma’ wieħed joqgħod jistenna li jgħaddu t-tliet snin għar-review period tal-Pjan.

Il-Ministru Brincat qal li l-prijoritajiet tal-Gvern ser ikunu fuq kif għandhom jiġu indirizzati dawn is-setturi:

-          Li nersqu eqreb lejn il-miri tal-Unjoni Ewropea fejn jidħol riċiklaġġ ta' karta, plastics, metall u ħġieġ,
-          tnaqqis tal-użu tal-landfills
-          użu aħjar tal-iskart mill-kostruzzjoni,
-          tħaddim tal-WEEE - dwar skart elettroniku.

Il-Ministru Brincat qal li filwaqt li jixtieq jara s-settur privat jieħu sehem aktar dirett fl-operat ta’ ċerti funzjonijiet tal-WasteServ, huwa l-ħsieb tiegħu li fil-jiem li ġejjin jiftaħ taħdidiet mas-Segretarjat Parlamentari għall-Kunsilli lokali ħalli ssir review sħiħa kemm dwar r-relazzjoni bejn WasteServ u l-Kunsilli Lokali kif ukoll dwar is-sistema eżistenti dwar il-ġbir tal-iskart. Dan bil-għan li tiġi ffaċilitata s-separazzjoni tal-iskart minn fejn joriġina u li jkun hemm riflessjoni aktar ċara tal-flejjes li jitħallsu u tal-iskart li jinġabar u jiġi pproċessat.

Il-Ministru Leo Brincat qal li t-tibdiliet kollha meħtieġa hemm bżonn li jiġu maqbula mal-Istakeholders kollha ħalli jkunu jistgħu jiġu implimentati bis-sħiħ meta jiltesta l-Impjant tal-Għallis lejn tmiem is-sena d-dieħla.

Il-Ministru Brincat qal li prijorità ewlenija sejra tkun biex wara konsultazzjoni xierqa mal-Istakeholders, tiddaħħal it-tielet sistema ta’ ġbir ta’ skart organiku mid-djar u kumpaniji kummerċjali ħalli jissaħħaħ l-operat tal-Impjanti nfushom. Kemm dak ta’ Sant’ Antnin u dak li għad irid jinbena fl-Għallis magħruf bħala l-Malta North Project.

Il-Ministru Brincat tenna li wħud mill-proġetti sejrin jiġu introdotti fuq bażi ta’ proġetti pilota ħalli jiġu evitati skossi bla bżonn. 

Dan wara li sar il-proċess tal-evalwazzjoni tal-Expressions of Interest dwar il-kampanja Edukattiva dwar l-Immaniġjar tal-Iskart li l-Gvern kien mistenni jgħaddi għall-ħruġ tat-tenders dwarhom fil-ġejjieni qrib.

Huwa qal li wara li sseħħ il-qsim tal-MEPA kien qed jawgura li jissaħħaħ l-enforcement fil-qasam tal-Immaniġġjar tal-Iskart filwaqt li jsiru ukoll audits indipendenti ta’ dawk l-intrapriżi jew kumpaniji tal-iskemi dwar l-iskart.

Il-Ministru Brincat qal li ser jinżammu wkoll taħdidiet bejn il-Ministeru tiegħu u dak tal-Ekonomija dwar kif jista’ jitjieb u jissaħħaħ il-ġbir tal-iskart mill-kumpaniji kummerċjali. L-istess jgħodd għall-qasam turistiku.

Huwa qal li billi jaf li l-eko-kontribuzzjoni kienet qed ixxekkel kemm it-tħaddim tal-WEEE u anki titbiegħed milli tilħaq l-għanijiet oriġinali tagħha, xtaq iħabbar li l-Gvern qiegħed fi stadju avvanzat li jikkonkludi review dwar it-triq għall-ġejjieni għal din it-taxxa u kien jinsab infurmat mill-Ministeru tal-Finanzi li mhux ser idumu ma jagħmlu kuntatt mal-Istakeholders ewlenin

Il-Ministru Brincat qal li jinsab infurmat li studju indipendenti  dwar il-cost benefit analysis tal-esportazzjoni tal-iskart diġà beda. Il-Ministru Brincat awgura li fl-ispirtu kostruttiv kulħadd jagħti s-sehem sħiħ tiegħu l-istess kif sar fil-proċess konsultattiv meta tfassal il-Pjan dwar l-Iskart. Dan ħalli din is-sena tkun verament is-sena tal-bidu tat-twettiq tiegħu, temm il-Ministru Brincat.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow