TITNIEDA POLITIKA NAZZJONALI GĦAD-DRITTIJIET TA’ PERSUNI B’DIŻABILITÀ
Is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, Franco Mercieca, f’konferenza tal-aħbarijiet ġewwa l-MSVLife il-Furjana, nieda il-Politika Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità.
Waqt din il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari ħabbar li din il-politika ġiet imfassla prinċiparjament minn persuni b’diżabilità u il-qrabat tagħhom u semma kif din issa tinsab fil-fażi ta’ konsultazzjoni, liema proċess ser ikun miftuħ għall-pubbliku sal-aħħar t’April 2014. Semma wkoll li din il-politika hija importanti għax huwa obbligu li Malta ħadet meta iffirmat il-konvenzjoni fuq id-drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità.
Is-Segretarju Parlamentari semma li din il-politika għandha l-iskop li twitti t-triq għal-ħolqien ta’ Strateġija u pjan Nazzjonali għall-qasam tad-Diżabilità, xi ħaġa li ma kinetx teżisti qabel. Din se tagħti wkoll bażi għal żvilupp ta’ servizzi, u allura tikkombina tajjeb għax-xogħol li qiegħed isir fid-database, se tikkonverġi l-valuri u l-prinċipji ta’ diversi stakeholders f’dan il-qasam, u se toħloq pjattaforma għax-xogħol li jrid isir mal-ħolqien tal-focal point. Is-Segretarju Parlamentari Dr Franco Mercieca ħabbar li din il-politika hija l-ewwel impenn konkret tal-Kunsill Azzjoni lejn Soċjetà Ġusta, li qed jara numru ta’ persuni ġejjin minn oqsma differenti iżda kollha għandhom għal qalbhom is-settur tad-diżabilità.
Dwar il-politika, is-Segretarju Parlamentari qal li din il-politika tiċċentra fuq id-drittijiet umani u ċivili. It-temi f’din il-politika jvarjaw minn drittijiet ċivili għall-familja, leġiżlazzjoni, sesswalità, midja, edukazzjoni u impjiegi fost oqsma oħra. Din il-politika se tikkumplimenta l-ħidma li qed issir biex jinħolqu standards fl-għoti ta’ servizzi, tinħoloq koerenza meta tiġi implimentata il- Guardianship Act, isservi ta’ bażi fl-iżvilupp ta’ servizzi, issaħħaħ il-ħidma u ir-rifrormi li ħa jsiru fil-Kunsill Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNPD), u tgħinna niddentifikiaw n-nuqqasijiet leġiżlattivi li għandna.
Is-Segretarju Parlamentari fl-aħħar għalaq billi semma li min hu interessat jistà jikseb kopja mis-sit www.activeageing.gov.mt. Min hu interessat jagħti kontribut f’din il-politika jista’ jibgħat is-suġġerimenti tiegħu fuq disabilitypolicy.mfss@gov.mt.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en