TNEDIJA TAL-ASSOĊJAZZJONIJIET TAL-ANZJANI GĦAD-DJAR TAL-ANZJANI, SAN VINĊENZ DE PAUL U Ċ-ĊENTRI TA’ MATUL IL-JUM
Waqt attività fid-Dar tal-Anzjani taż-Żejtun illum, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva Franco Mercieca, ħabbar il-formazzjoni ta’ Assoċjazzjonijiet tar-Residenti għad-Djar Residenzjali tal-Anzjani, għar-Residenza San Vinċenz de Paul, kif wkoll għaċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum. Din hija twettiq ta’ wegħda oħra tal-ħidma tal-Gvern kif ukoll waħda mir-rakkomandazzjonijiet li joħorġu mill-Istrateġija Nazzjonali għall-Anzjanità Attiva mnedija f’Novembru li għadda.
Is-Segretarju Parlamentari sostna li politika soċjali bbażata fuq l-Anzjanità Attiva hija parti essenzjali mill-politika ewlenija tal-Gvern dwar il-ġustizzja soċjali u s-solidarjetà. Sostna wkoll kif l-istampa tal-anzjan bħala persuna akbar mill-età, passiva u li tbati minn djugħfijiet fiżiċi u mentali għadda żmienha. Għalhekk, il-Gvern mhux kuntent li sempliċiment jipprovdi servizzi soċjali u servizzi ta’ saħħa għal persuni ta’ età akbar, iżda jemmen f’politika li ttejjeb ir-rati ta’ inklużjoni u parteċipazzjoni soċjali. Saħaq li dawn l-assoċjazzjonijiet se jkunu qed isaħħu l-parteċipazzjoni tal-anzjani infushom f’deċiżjonijiet li jolqtu lilhom direttament.
Is-Segretarju Parlamentari semma kif din il-miżura se tkun possibbli b’direzzjoni u għajnuna min-naħa tal-Gvern u permezz tax-xogħol siewi li jagħmlu l-Managers tad-Djar tal-Anzjani, it-Taqsima tal-Ħidma Soċjali, it-Taqsima tal-Customer Care f’San Vinċenz de Paul, u l-Officers in-charge taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum.
Permezz ta’ dawn l-assoċjazzjonijiet il-membri jew residenti li jagħmlu użu minn dawn il-faċilitajiet se jkollhom punt ta’ referenza u kuntatt soċjali, biex ukoll ikun hemm kordinazzjoni bejn it-tmexxija ta’ dawn l-oqsma u r-residenti jew membri tagħhom. Is-Segretarju Parlamentari Franco Mercieca qal li m’għadux iż-żmien li noffru servizzi permez ta' top-bottom management, iżda għall-kuntrarju rridu li l-anzjani jiġu inklużi u jkollhom rwoli prinċipali biex jinfluwenzaw is-servizz li minnhom jgawdu.
Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li jemmen bit-twettiq ta’ direttivi bħal din, fejn qiegħda tinħoloq bażi politika u legali li permezz tagħha dawk il-persuni ta’ età akbar ikunu jistgħu jipparteċipaw iżjed f’deċiżjonijiet li jolqtu l-kwalità tal-ħajja tagħhom. Sostna li din il-politika tgħinna nħarsu ‘l quddiem lejn soċjetà li fiha kull persuna akbar fl-età jkollha il-mezzi neċessarji biex tibqa’ taspira li tilħaq l-għanijiet kollha tagħha.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en