APPELL BIEX MALTA TINGĦATA L-ATTENZJONI MISTĦOQQA
Fi Brussell, il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura, Joe Mizzi qal li l-Pjanijiet ta’ Mobilita’ Sostenibbli (SUMP) huma għodod pożittivi li jindirizzaw il-problemi relatati mat-trasport fiż-żoni urbani.
F’intervent li għamel waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-UE għat-Trasport, Telekomunikazzjoni u l-Enerġija, il-Ministru Joe Mizzi appella biex Malta tingħata l-attenzjoni mistħoqqa dwar piżijiet amministrattivi li jistgħu jinħolqu fil-futur, jekk kemm-il darba jidħlu fis-seħħ rekwiżiti mandatorji li jistgħu jtellfu mill-benefiċċji kollha li japplikaw għal Malta.
Huwa tkellem dwar il-ħtieġa li kwalunkwe pjan relatat ma’ mobilita urbana, għandu jiġi mfassal u implimentat b’mod orizzontali bl-involviment tal-partijiet kollha interessati, bl-għan li meta jiġi implimentat fil-futur ikun ta’ suċċess fl-Istat membru rispettiv.
“Fil-każ ta’ Malta,” qal il-Ministru Mizzi, “minħabba li ħafna miċ-ċentri urbani huma viċin ħafna ta’ xulxin u minħabba l-interazzjoni mill-viċin tal-awtoritajiet lokali, ikun aħjar li kull azzjoni tkun ikkoordinata fuq livell nazzjonali.”
Huwa żied jgħid li għandu jkun hemm aktar ħsieb dwar l-implikazzjonijiet ta’ dawn it-tip ta’ pjanijiet ta’ Mobbiltà Urbana Sostenibbli. Għaldaqstant, Malta se titlob li tingħata kunsiderazzjoni għal din iċ-ċirkostanza partikolari fi kwalunkwe’ proposti f’dan il-qasam li għad iridu jsiru fil-futur.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li Malta taqbel ma’ għajnuna diretta fil-parametri stabbiliti fuq livell Ewropew, għall-iżvilupp tal-Ippjanar ta’ Mobbiltà Sostenibbli (SUMP), għaliex jidher li dawn l-ispazji urbani qed isibuha diffiċli biex jiżviluppaw u permezz ta’ għajnuna finanzjarja innovattiva u għotjiet tradizzjonali, jingħelbu dawn id-diffikultajiet.
Mizzi qal li Malta taqbel ukoll li l-parteċipazzjoni tas-settur privat għandu jkun inkoraġġit kif ukoll li jitwaqqfu pjattaformi nazzjonali jew lokali bil-parteċipazzjoni tas-settur pubbliku u msieħba interessati mis-settur privat li jistgħu jinkoraġġixxu din il-parteċipazzjoni.
Il-Ministru Joe Mizzi temm jgħid li l-iżvilupp ta’ dawn il-kompetenzi huma importanti speċjalment biex ikunu ta’ appoġġ għall-iżvilupp ta’ politika dwar it-trasport.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en