PAJJIŻNA JIPPARTEĊIPA FL-INIZJATTIVA ‘TOURISM IRELAND’S GLOBAL GREENING 2014’
Mixgħela tal-Bieb tal-Bombi b’dawl aħdar għal 5 t’ijiem fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Patrizju
Din il-ġimgħa Malta qed tingħaqad ma’ bosta pajjiżi oħra madwar id-dinja fejn qed tipparteċipa fl-inizjattiva ‘Tourism Ireland’s Global Greening 2014’ permezz ta’ mixgħela ta’ siti storici.
F’pajjiżna ntagħzel il-Bieb tal-Bombi li minn nhar l-Erbgħa beda jinxtegħel b’dawl aħdar sa nhar it-Tnejn li ġej 17 ta’ Marzu fl-okkażjoni tal-festa ta’ San Patrizju.
Pajjiżi kbar bħall-Awstralja, l-Istati Uniti, Dubai, l-Afrika t’Isfel, il-Ġermanja, iċ-Ċina u l-Awstrija qed jagħtu s-sehem tagħhom f’din l-inizjattiva fejn inxtegħlu monumenti storiċi famużi bħas-Sydney Opera House, il-London Eye, l-Empire State Building, in-Nigara Falls, it-Torri ta’ Pisa, u l-Oriental Pearl TV Tower fost l-oħrajn.
Huwa stmat li mal-100 sit storiku differenti minn madwar id-dinja qed jipparteċipaw f’din il-kampanja.
Inizjattiva bħal din fejn ħafna ikoni storiċi jinxtegħlu fl-istess ħin u fl-istess ġranet għandha sinifikat qawwi fejn toħloq sens b’saħħtu ta’ konnettività bejn komunitajiet differenti madwar id-dinja. Fl-istess ħin, hija attrazzjoni turistika u toffri promozzjoni għal dawn is-siti storiċi. Din l-inizjattiva oriġinat fl-Irlanda sentejn ilu u tifforma parti minn kampanja pubbliċitarja biex tkabbar it-turiżmu lejn il-pajjiż.
F’komunikat li bagħat lill-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella, l-Ambaxxatur Irlandiż għal Malta Jim Hennesy kellu kliem ta’ tifħir għall-fatt li Malta qed tipparteċipa f’din il-kampanja fejn qed tesponi r-rikkezza tal-bini storiku tagħha b’mod globali.
Aktar dettalji dwar din il-kampanja jinsabu fuq: https://www.dfa.ie/news-andmedia/speeches/speechesarchive/2014/february/launch-of-global-greening-campaign-2014/
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en