IL-GRTU FAVUR RIFORMA TAL-GWARDJANI LOKALI KIF PPREŻENTATA MILL-GVERN
Dalgħodu s-Segretarju Parlamentari José Herrera ltaqa’ mal-GRTU biex jisma’ mingħandhom il-proposti għar-riforma tas-sistema tal-infurzar lokali. Il-Viċi President tal-GRTU Marcel Mizzi qal li huma jaqblu mar-riforma kif proposta mill-Gvern.
Fil-jiem li għaddew il-GRTU tkellmet mal-membri tagħha u talbithom r-reazzjoni tagħhom għas-sistema. Is-Sur Mizzi qal li l-GRTU rċeviet ħafna kummenti li ġabrithom f'pożizzjoni waħda li llum ġiet ikkomunikata mal-Gvern.
Il-Viċi President tal-GRTU qal li s-sistema mhux qed tapprezza biżżejjed lil dawk il-ħaddiema u imprendituri li jaħdmu bil-vettura tagħhom. Qal li dawk li ta' kuljum joħorġu biex jaqilgħu l-għixien tagħhom bil-vettura jeħtieġ li jiġu apprezzati mill-pubbliku u l-gwardjan lokali.
Il-GRTU qalet li taqbel mal-Gvern li s-sistema jeħtieġ li tkun imsejsa fuq gwardjan lokali aktar imħarreġ u edukat. Fost is-suġġerimenti li għamlu, il-GRTU qal li għandu jibda jingħata ċ-ċans lil dak jew dik li tkun żbaljat għall-ewwel darba.
Qalu wkoll li għandu jsir xi ħaġa fuq il-kwistjoni tal-loading u unloading bays għaliex dawn għandhom jibdew jintużaw anke minn dawk li jmorru f'ħanut biex jipprovdu servizz.
Il-GRTU qed jissuġġerixxu wkoll post ta' fejn il-pubbliku jkun jista' jirrapporta l-abbużi fit-toroq tagħna.
Is-Segretarju Parlamentari radd ħajr lill-GRTU għas-sehem tagħhom f'din ir-riforma. Huwa qal li l-proposti tagħhom ser ikunu qed jittieħdu in konsiderazzjoni meta titressaq il-liġi finali. José Herrera qal li l-konsultazzjoni pubblika issa riesqa lejn l-aħħar fażi tagħha. Filfatt għada s-Sibt se tkun qed issir it-tieni laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-pubbliku fil-lukanda Excelsior. Il-laqgħa tibda fl-10 ta’ filgħodu u għaliha se jkunu mistiedna dawk li jgħixu fir-Reġjuni nofsinhar u x-xlokk.
Huwa qal li l-għan ta’ din ir-riforma huwa li jeleva l-istatus tal-gwardjan lokali, fl-istess ħin li l-pubbliku jkun moqdi ahjar b'sistema bbażata aktar fuq it-taħriġ u l-edukazzjoni.
Skont rapport tat-Transport Malta jirriżulta li f'pajjiżna hawn 32,000 vettura mingħajr liċenzja mħallsa, li 1,200 minnhom għandhom polza tal-assikurazzjoni.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en