Left arrow Mur Lura

SEMINAR MILL-MCCAA DWAR ID-DRITTIJIET TAL-KONSUMATURI RIGWARD IT-TELEFONIJA ĊELLULARI

pr140483
Date Icon 14/03/2014

Waqt seminar organizzat mill-Awtorità għall-Kompetizzjoni u Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Konsumatur, il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli, qalet li l-MCCAA hija proattiva fl-inizjattivi biex il-konsumaturi jkollhom aktar tagħrif dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

Hi semmiet kif fil-bidu ta’ din is-sena l-Awtorità waqqfet information kiosks fiċ-ċentri kummerċjali f’Malta bl-istess għan. Tkellmet ukoll dwar diversi inizjattivi edukattivi li jsiru mill-istess Awtorità, b’mod partikolari mat-tfal u mal-aktar persuni vulnerabbli tas-soċjetà.

Is-seminar tal-lum kellu bħala tema ċentrali, d-drittijiet tal-konsumaturi rigward it-telefonija ċellulari.

Dott. Dalli qalet li fl-Ewropa hawn madwar 780 miljun konsumatur li jużaw it-telefonija ċellulari, waqt li f’Malta hawn ’il fuq minn 570,000 abbonat għal dan is-servizz. 

Il-Ministru Dalli qalet li l-operaturi tat-telefonija ċellulari għandhom ir-responsabbiltà li jaraw li l-kuntratti li jagħmlu mal-klijenti tagħhom ikunu ċari u spjegati tajjeb.  Il-konsumaturi jridu jkunu jafu sew dwar dak li jiffirmaw għalih.  Il-kuntratti għandhom ikunu ġusti u l-konsumaturi jrid ikollhom iċ-ċans jagħmlu għażla tajba skont il-ħtiġijiet tagħhom.

Dott. Dalli qalet li l-kumpaniji li jipprovdu servizz ta’ telefonija ċellulari għandhom ikollhom sistema effettiva ta’ kif jintlaqgħu l-ilmenti sabiex il-konsumaturi li ma jkunux sodisfatti bis-servizz ikollhom il-mezzi biex ifittxu kumpens.

Dott. Dalli qalet li l-protezzjoni tal-konsumaturi hija fil-qalba tal-politika tal-Gvern u qed tingħata prijorità sabiex titjieb il-kwalità tal-ħajja tal-konsumaturi Maltin.

L-MCCAA għandha l-funzjoni li tipproteġi lill-konsumaturi u li tiggwida l-industrija dwar regolamenti li jiġu addottati skont direttivi tal-Unjoni Ewropea.

Il-Ministru Dalli semmiet l-Uffiċċju tal-Konsumatur li jgħin kemm lill-konsumaturi, kif ukoll lill-kummerċjanti f’dak li jirrigwardja x-xiri ta’ prodotti u servizzi.  Meta jkun hemm xi diżgwid bejn il-konsumaturi u l-kummerċjanti dan l-uffiċċju jagħti pariri lill-partijiet konċernati sabiex tinstab soluzzjoni għas-sodisfazzjoni tal-partijiet kollha biex kemm jista’ jkun jiġi evitat li wieħed jirrikorri għat-Tribunal għat-Talbiet tal-Konsumatur. 

Dott. Dalli qalet li s-sena li għaddiet, dan l-Uffiċċju rreġistra mat-13,000 talba għal informazzjoni.  In-numru ta’ ilmenti li ġew irreġistrati kienu ta’ 1,804 – u li minnhom, 636 ġew solvuti amikevolment. 

Barra minn hekk, 442 każ ġie referut lit-Tribunal, waqt li 363 każ ġie rtirat mill-konsumaturi.

Dwar l-infurzar tal-liġijiet, il-Ministru Dalli qalet li matul l-2013 saret ’il fuq minn 10,000 spezzjoni f’Malta u Għawdex fi ħwienet, fost street hawkers, u kiosks li jarmaw fil-festi u ħdejn il-baħar.  Madwar 277 minn dawn instabu li ma kinux skont ir-regolamenti u ttieħdet l-azzjoni f’dan ir-rigward.

Dott. Dalli qalet li l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni fi ħdan l-MCCAA għandu r-responsabbiltà li jippromwovi u jsaħħaħ il-kompetizzjoni effettiva fis-setturi kollha tal-Ekonomija.  Dan l-Uffiċċju jinforza l-Att Dwar il-Kompetizzjoni kif ukoll iwettaq studji fuq swieq fejn jirriżulta li l-kompetizzjoni fis-suq tista’ tkun ristretta.  

Hi qalet li bl-interventi tal-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni jibbenefika kulħadd – konsumaturi, intrapriżi, u l-ekonomija in ġenerali.  Il-kompetizzjoni hija l-mutur tal-ekonomija u tinkoraġġixxi t-tnaqqis fil-prezzijiet u fl-ispejjeż, ittejjeb l-għażla u l-kwalità, tinkoraġġixxi l-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow