IL-MINISTRU HELENA DALLI TIPPREŻENTA L-KUNTRATTI TAL-GĦOTJIET FINANZJARJI LILL-ORGANIZZAZZJONIJIET VOLONTARJI GĦALL-PROĠETTI TAGĦHOM
“Is-sodisfazzjon ta’ min jagħmel xogħol volontarju ma jiġix mill-flus jew mis-suċċess personali, iżda mill-fatt li dawn qed jikkontribwixxu biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Dan hu l-akbar valur tax-xogħol volontarju”. Dan qalitu l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli, meta kienet qed tippreżenta ftehmiet ta' għotjiet finanzjarji lil 20 organizzazzjoni volontarja u għaqda mhux governattiva għall-proġetti u inizjattivi żgħar li se jkun qegħdin jagħmlu matul din is-sena. Is-somma li tqassmet tammonta għal €60,000.
L-għotjiet ingħataw taħt l-‘Iskema Inizjattivi Żgħar’, li hija amministrata mill-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju. L-iskema ġiet stabbilita biex ikunu megħjuna u jingħataw l-appoġġ l-organizzazzjonijiet volontarji permezz ta' edukazzjoni, sostenn amministrattiv u għotjiet finanzjarji. Organizzazzjonijiet volontarji iskritti mal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji jistgħu japplikaw għall-fondi bejn il-firxa ta' €1,000 u €3,000. Il-fondi huma mogħtija għal proġetti u inizjattivi speċifiċi li għandhom jitlestew fi żmien 12-il xahar mid-deċiżjoni ta' finanzjament.
Il-Ministru Dalli appellat lill-NGOs biex kemm jista’ jkun jagħmlu użu minn programmi ta’ fondi Ewropej. Hi qalet li diversi NGOs ibbenefikaw mill-għajnuna li jagħti l-MEUSAC, li jagħti pariri tekniċi, kif ukoll assistenza fil-mili ta’ applikazzjonijiet, dwar proġetti b’fondi Ewropej.
Dott. Dalli qalet ukoll li s-sens ta' “impenn ċiviku” ta' nies li jiddedikaw il-ħin personali tagħhom għax-xogħol volontarju huwa bbażat fuq il-konvinzjoni li ċ-ċittadini huma partikolarment responsabbli għal dawk li, għal raġunijiet differenti, kienu inibiti mid-drittijiet soċjali u ċiviċi tagħhom, jew kienu vittmi ta' mard, inġustizzja, u sfortuna. Hija qalet li dan l-impenn hu wkoll ibbażat fuq il-konvinzjoni li l-persuni l-oħra għandhom ikunu konxji dwar kwistjonijiet varji, minn diżabbiltà, il-prevenzjoni tal-mard, id-diversità u l-ħtieġa li japprezzaw l-arti.
Dott. Dalli qalet li aktar nies, speċjalment iż-żgħażagħ, għandhom jieħdu rwol aktar attiv fil-ħidma volontarja. Hija qalet li l-volontarjat jista' jsaħħaħ l-istima personali u jġiegħel lill-individwu jħossu kburi li qed jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ soċjetà aħjar.
Il-Ministru Dalli enfasizzat li "kull individwu għandu l-kapaċità li jaħdem f’solidarjetà biex itaffi t-tbatija u jikkontribwixxi għad-dinjità tal-bniedem. In-nies isiru persuni aħjar permezz tal-volontarjat".
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en