L-APPRENTISTAT MA JOFFRIX BISS XOGĦOL IŻDA ĊANS BIEX TIBNI KARRIERA
Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu indirzza l-Apprenticeship, Traineeship and Work Exposure Conference fejn irringrazzja lis-settur privat talli qed joffri l-opportunitajiet liż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin b’730 workplacement.
Dawn il-placements, f’83 kumpanija, se jkunu qed jagħtu esperjenza lil dawn il-ħaddiema kif ukoll jgawdi minn inċentivi mħabbra fil-budget.
Dr Muscat qal li l-istatistika fl-aħħar ġranet uriet riżultati inkoraġġanti; iżda hemm realtijiet oħra li permezz ta’ dan il-programm b’mod dirett se jiġi megħjun l-investiment fil-kumpaniji, u indirettament indirizzat il-prekarjat.
“Dan il-programm ser jimla vojt reali li jeżisti fid-dinja tax-xogħol – id-diffikultà biex jinstabu impjegati adatti. Permezz ta’ istituzzjonijiet bħal Jobs+, MCAST u l-ETC qed nibnu strateġija biex fil-ġejjieni, ikollna garanziji minn żgħażagħ li bħalissa jieqfu jistudjaw.”
Il-pass importanti ferm li jmiss, qal il-Prim Ministru, hu dak li jindirizza s-snajja’ jew it-taħriġ vokazzjonali. Minn metodu tradizzjonali – ibbażat fuq l-aspett akkademiku – irridu niftħu mogħdija oħra li toffri opportunità li persuna tuża toroq oħra għax il-karriera mhux biss xogħol iżda kif tibni karriera.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, Evarist Bartolo, indirizza wkoll l-konferenza fejn semma l-importanza li ż-żgħażagħ jingħataw opportunitajiet fejn jistgħu joħorġu t-talenti varji tagħhom.
Huwa semma kif l-edukazzjoni għandha tkun varja biżżejjed biex tilħaq l-aspirazzjonijiet tal-istudenti u l-kapaċitajiet kollha tagħhom.
Il-Ministru Bartolo rringrazzja wkoll lil dawk il-kumpaniji li wrew interess f’din l-inizjattiva u ħeġġeġ kumpaniji oħrajn biex jieħdu sehem.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en