Left arrow Mur Lura

IL-KAMPANJA GĦAT-TNAQQIS TAL-ISKART: SEHEM IMPORTANTI MIN-NEGOZJI SAL-ISTUDENTI

pr140466
Date Icon 12/03/2014

Diskors tal-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat, fl-okkażjoni tal-Waste Reduction Awards organizzata mill-WasteServ, it-Tlieta 11 ta’ Marzu.

Hija koinċidenza pożittiva li din l-attività fejjieda organizzata mill-WasteServ qed issir ftit jiem biss wara li tħabbar uffiċjalment il-Pjan Nazzjonali tal-Immaniġġjar tal-Iskart. U ġimgħa biss ‘il bogħod mill-ewwel laqgħa li ser issir tal-iStakeholders Group dwar it-tħaddim ta’ dan il-pjan.

Flimkien ma’ protagonisti oħrajn fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart, il-WasteServ ser tkun rappreżentata fuq dan il-Grupp għaliex nemmnu li għandha rwol importanti u strateġiku xi tkompli taqdi f’dan il-qasam.

Kif jagħmel żball min jaħseb li l-immaniġġjar tal-iskart huwa totalment marbut mal-WasteServ, daqstant ieħor ikun żbaljat min jaħseb li jista’ jkollok strateġija dwar l-immaniġġjar tal-iskart li tista’ tgħaddi  mingħajr is-sehem dirett tal-istess WasteServ. Dan ma jfissirx li għandna nieqfu hawn billi nistrieħu fuq ir-riċetti jew soluzzjonijiet tal-imgħoddi, għal kuntrarju, il-Pjan dwar l-Immaniggjar tal-Iskart joffri sfidi u opportunitajiet kbar u ġodda għall-kumpanija WasteServ. B’mod partikulari dwar kif tista’ tiġi re-engineered u mibdula mill-qiegħ il-ħidma tagħha.

L-ewwel pass diġà sar, billi ser ikomplu jissaħħew l-istrutturi amminstrattivi tal-WasteServ u billi l-Management Team qed jingħata l-għodda u n-nies li tant kien ilu meħtieġ li jkollu. Aktar importanti minn hekk hemm direzzjoni strateġika li ser tgħin biex tilqa’ l-isfidi tal-ġejjieni b’aktar impenn u determinazzjoni.

Nemmen li wasal iż-żmien li jinbidlu ukoll il-metodi u l-operat tal-WasteServ ħalli lkoll flimkien insaħħu t-tnaqqis tal-iskart iġġenerat f’pajjiżna bl-akbar sehem mifrux possibbli tal-istakeholders kollha, kemm dawk eżistenti u oħrajn. Irridu naħdmu ukoll biex l-iskart ma jinħeliex. Anki r-relazzjoni mal-Kunsilli Lokali għandha tiġi riveduta għall-ġid taż-żewġ naħat.

Minkejja li fil-prattika ġara bil-maqlub, jekk kien hemm xi ħaġa li tgħaqqad l-istrateġija antika ma’ dik ġdida dwar l-immaniġġjar tal-iskart, din kienet li l-WasteServ li għandha tkun operatur li tidħol biss fejn ma jasalx il-privat. Id-dokument fil-fatt isejjaħ lill-kumpanija - An Operatorof Last Resort.

Min-naħa ‘l oħra, biex jintlaħqu dawn l-għanijiet, hemm bżonn konsolidament qawwi li jinsab għaddej bla nifs, sabiex jissaħħu l-pedamenti tal-intrapriża. Dan bil-għan li l-iskart jinbidel kemm jista’ jkun f’riżorsa għal pajjiżna stess.

Grazzi għall-ħidma tan-nies involuti fl-operat tekniku tal-WasteServ, li mhux talli qed jippruvaw inaqqsu d-dipendenza ta’ pajjizna fuq l-Engineered Landfills, iżda qegħdin saħħansitra jaraw jekk nistgħux ngħaddu mingħajr landfill ġdida minflok dik li waslet biex timtela kollha.

Biex naslu rridu nattakkaw il-kawża tal-landfills aktar milli l-landfills nfushom. L-istess jista’ jingħad għal fondi Ewropej fil-qasam tal-immanġġjar tal-iskart. Aħna nemmnu f’konsolidament f’dan il-qasam għaliex pajjiżna jixraqlu li jara li dawk il-fondi allokati lilu,  jiġu użati fl-aktar mod professjonali, meqjus u bil-galbu xieraq u mixtieq. Dan billi qabel xejn jiġuindirizzati nuqqasijiet li setgħu saru fl-ippjanar tul is-snin.

Illum ma ġejtx hawn biex nipponta subgħajja lejn ħadd. Ħlief li nuri l-impenn tagħna lkoll biex l-affarijiet isiru f’mod aktar ippjanat u billi jiġu evitati dawk li jissejħu cost over runs li setgħu u jistgħu faċilment jiġu megħluba u mnaqqsa. Ħafna jqisu l-enerġija mill-iskart bħala mezz kif jitnaqqas l-iskart u l-użu tal-landfills. Fil-prinċipju naqblu ma’ dan, iżda kull pass għandu jsir b’mod meqjus fejn jitpoġġa kollox fil-miżien. Mill-cost benefit analysis ekonomiku u finanzjarju kif wkoll fid-dawl tal-impatt ambjentali li dan jista’ jkollu fuq ‘il madwar. Huwa f’dan l-ispirtu li aħna qed niżnu ż-żewġ għażliet:  Ta’ aktar enerġija mill-iskart kif ukoll tal-esportazzjoni tal-iskart minn pajjiżna.

Gvern responsabbli ma jiħux deċiżjonijiet serji  fil-għama.

Ninsab fi dmir li nsemmi l-aspett tal-Pjan tal-Immaniġġjar tal-Iskart li ftit li xejn saret diskussjoni pubblika dwaru f’dawn il-jiem. Sa mill-bidu tal-konsultazzjoni pubblika li kellna ħafna kienu dawk fil-qasam privat li lmentaw li l-operat tal-WasteServ huwa f’kompetizzjoni diretta magħhom u dan mingħajr ma jkun hemm level playing field.

Nistenna li fil-ġejjieni qrib tkun il-WasteServ innifisha li tara li dak li ma hemmx għalfejn tagħmlu hi, jagħmlu ħaddieħor. Min-naħa l-oħra jekk jissaħħu, kif jien konvint li ser jissaħħu u diġàqegħdin jissaħħu, l-istrutturi u l-operat tal-WasteServ, il-kumpanija taf tingħata nifs u ħajja ġdida, billi tiffoka fuq dawk l-oqsma li dejjem kienu maħsuba li jkunu s-sinsla tagħha.

Ninsab żgur li jekk iseħħ dan kollu, l-kumpanija bl-għajnuna tal-ħaddiema li hemm jaħdmu  fiha ser jgħinu biex il-problema tal-immaniġġjar tal-iskart tibda tiġi indirizzata f’mod aktar proattiv u dinamiku. Dan kollu għall-ġid tal-ħaddiema nfushom kif ukoll tas-soċjetà Maltija b’mod partikolari tat-taxpayers Maltin u Għawdxin. Il-WasteServ għandha tkun qed tgħin biex l-iskart iġġenerat f’pajjiżna jitnaqqas billi jiddaħħlu prattiċi aktar moderni, aġġornati u ta’ benefiċċju għall-kommunitajiet u l-familji Maltin.

L-immaniġġjar tal-iskart illum kiber f’industrija. Iżda rridu nqisu ukoll li dan għandu funzjoni ambjentali u soċjali. Għalhekk dmirna u dmirkhom huwa li nindirrizaw dawn l-aspetti kollha. Dan billi noħolqu bilanċ xieraq u ġust.

Qed ngħid dan għax ninsab fiduċjuż li bl-għajnuna ta’ kulħadd, inkluż iċ-ċittadin hemm barra li jiġġenera l-iskart fid-djar tiegħu jew fiż-żoni kummerċjali li jiffrekwenta ser ikun qed jindirizza din l-isfida ukoll.

Grazzi tal-ħidma tal-imgħoddi, tal-preżent u tal-impenn li ninsab konvint li kulħadd ser juri fil-ġejjieni.

Iżda ħajr partikolari jmur liċ-Chairman, Bord tad-Diretturi, Senior u Middle Management u l-ħaddiema kollha, li mingħajr l-impenn tagħhom xejn minn dan it-titjib ma kien ikun possibbli. Fuq kollox ħajr ukoll lin-negozji, azjendi kummerċjali, assoċjazzjonijiet, skejjel u rappreżentanti mill-amministrazzjoni pubblika, soċjetà ċivili u n-numru kbir ta’ parteċipanti li ħadu sehem fl-awards għat-tnaqqis tal-iskart iġġenerat. Dan hu ta’ inkoraġġiment li naraw parteċipazzjoni daqstant wiesgħa b’mod partikolari mill-qasam edukattiv li jawgura tant tajjeb għall-ġejjieni ta’ pajjiżna.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow