Left arrow Mur Lura

DISKORS MILL-EĊĊELLENZA TIEGĦU DOTT. GEORGE ABELA, PRESIDENT TA’ MALTA WAQT ĊENA STATALI MOGĦTIJA MILL-PRESIDENT TAR-REPUBBLIKA FEDERALI TAL-ĠERMANJA, L-EĊĊELLENZA TIEGĦU JOACHIM GAUCK U S-SINJURA DANIELA SCHADT, F’BERLIN. IT-TLIETA 11 TA’ MARZU 2014

pr140464
Date Icon 12/03/2014

Sur President,

Sinjura Schadt,

Nixtieq nibda billi nirringrazzjak, Sur President, tas-sentimenti ġentili li għadek kemm esprimejt fil-konfront tiegħi u ta’ Malta.

Huwa ta’ pjaċir u unur kbir għalija li nżur dan il-pajjiż daqstant sabiħ u ġeneruż fl-ospitalità li qed jilqagħna biha.

Nirringrazzja wkoll lill-Gvern tar-Repubblika Federali, u lill-gvernijiet tal-istati federali ta’ Bremen u s-Sassonja, li se jogħġobhom jilqgħuna fil-ġranet li ġejjin.

Din s-sena qegħdin infakkru l-ħamsin (50) sena tal-Indipendenza ta’ Malta, l-erbgħin (40) sena minn meta ġiet iddikjarata Repubblika, ħamsa u tlettin (35) sena minn mindu l-aħħar truppi barranin ħallew il-gżira u l-għaxar (10) anniversarju minn mindu Malta saret membru tal-Unjoni Ewropea. Matul dawn is-snin, il-pajjiż, li qabel kien magħruf bħala bażi militari, għamel progress kbir.

Fuq kollox, Malta ma għadhiex iktar il-gżira strateġika li minħabba fiha, fuqha, u madwarha l-ġnus jitqagħbdu, kif kien ġara tant drabi fis-sekli mgħoddija.

L-ekonomija ta’ Malta, li qabel kienet tiddependi mir-rwol militari, issa hija bbażata fuq l-industrija, it-turiżmu u diversi servizzi oħra.

Politikament, minn mindu ħadet rajha f’idejha, Malta wriet li kienet u tibqa’ dejjem pronta biex, bil-mezzi limitati tagħha, iżda b’mod attiv u konkret, tgħin biex tissaħħaħ il-paċi.

Kien kważi ħamsa u għoxrin (25) sena ilu, f’Novembru tal-elf disa’ mija disgħa u tmenin (1989), li f’din il-belt ta’ Berlin, ftit ’il bogħod minn dan il-Palazz meraviljuż, ġraw avvenimenti li dawk tal-età tiegħi ftit li xejn kienu jemmnu li qatt se jaraw iseħħu waqt ħajjithom. 

Il-ħajt li kien jaqsam il-poplu Ġermaniż waqa’. Nafu li l-ħajt ma waqax waħdu. Waqqgħu l-poplu, u wara snin twal ta’ firda u tbatija, iżda wkoll ta’ tama, sabar u perseveranza, il-poplu Ġermaniż beda l-mixja li wasslet għar-rijunifikkazzjoni tal-pajjiż.

Erba’ ġimgħat wara dawk il-ġrajjiet ta’ Novembru tal-elf disa’ mija disgħa u tmenin (1989) hawnhekk f’Berlin, il-President Amerikan, George H. W. Bush, u l-President Sovjetiku, Mikhail Gorbachev, iltaqgħu għall-ewwel darba f’ħajjithom. Din il-laqgħa storika seħħet f’Malta.

Fi tmiem it-taħdidiet, il-kapijiet tal-ikbar żewġ potenzi li qatt rat id-dinja, iddikjaraw illi l-Gwerra Bierda kienet intemmet. Kif irrimarkaw xi storiċi, “l-ispirtu ta’ Jalta indifen ġo Malta”.

F’dik l-okkażjoni, tant importanti għall-Ġermanja, għall-Ewropa u għad-dinja, Malta serviet biex għedewwa antiki setgħu jiddjalogaw u jiftehmu. 

Matul is-snin, ir-rwol ta’ Malta fit-tisħiħ tal-paċi kompla dejjem jikber.

Anki dan l-aħħar, waqt it-taqlib kbir li seħħ fil-pajjiżi ġirien tagħna fin-Nofsinhar tal-Mediterran, Malta għenet bil-kbir biex, mingħajr burokrazija, eluf ta’ persuni u familji jiġu evakwati għall-post sigur u jingħataw l-ewwel għajnuna fi gżiritna, fil-port tal-Belt Valletta, u biex jiddewwew il-vittmi fl-isptarijiet tagħna.

Malta ħadet deċiżjonijiet politiċi, uħud mill-aktar diffiċli, biex setgħu jiġu evitati l-moħqrija u l-mewt ta’ ħafna nies innoċenti. Malta għadha sal-lum tinkoraġġixxi l-kunsens u tagħti s-sostenn kollu tagħha lil min, f’dawn il-pajjiżi, qiegħed jistinka biex jinstab il-kompromess li mingħajru m’hemmx stabbilità politika, ġustizzja soċjali u progress.

Minħabba l-pożizzjoni ġeografika, Malta hija esposta għall-wasliet ta’ immigranti irregolari li, b’riskju kbir għal ħajjithom, ifittxu kenn u futur aħjar fl-Ewropa. F’ħafna każi, u sikwit f’kondizzjonijiet perikolużi, ikunu l-membri tal-iskwadri militari tal-ajru u navali Maltin li jsalvawhom mill-għarqa. F’dan ir-rigward, Malta qatt ma hi se tabbanduna dmirijietha.

Iżda Malta hija inkwetata bil-kbir b’din is-sitwazzjoni. Il-pajjiż huwa ċkejken, għandu l-ikbar densità ta’ popolazzjoni fl-Ewropa, u l-mezzi tiegħu jibqgħu limitati. Malta ilha s-snin titlob biex il-pajjiżi kollha tal-Ewropa jingħaqdu biex jiffaċċaw din l-isfida flimkien. Hija l-fehma ta’ Malta li jekk il-pajjiżi ma jingħaqdux, l-ewwel sabiex kull pajjiż, skont kemm jiflaħ - proporzjonalment - iġorr biċċa mit-tagħbija, u t-tieni biex il-problema tiġi indirizzata f’ras il-għajn fil-pajjiżi minn fejn jitilqu l-immigranti irregolari, il-ġerħa se tkompli tikber. Jasal żmien meta ma jkunx possibbli iktar li titfejjaq. Għalhekk b’sodisfazzjon insemmi s-sostenn li Malta rċeviet minn pajjiżi ġirien, fosthom l-Italja u l-Greċja, biex din il-problema umanitarja titpoġġa fuq quddiem nett tal-aġenda Ewropea. Bi pjaċir ukoll ninnota, u ta’ dan nirringrazzja lill-Gvern Ġermaniż, li mis-sena elfejn u sitta (2006) sal-lum irriloka mitejn u sitta u tmenin (286) persuna minn Malta u poġġa fil-prattika l-valur tas-solidarjetà li fuqha hija bbażata l-Unjoni Ewropea.

Il-Ġermanja, Sur President, huwa l-ikbar pajjiż fil-familja Ewropea, mhux biss f’termini ta’ popolazzjoni;  Malta hija l-iżgħar stat fl-Unjoni. Minkejja din id-differenza fid-daqs, bi pjaċir ngħid illi r-relazzjonijiet bilaterali, ibbażati fuq għexieren ta’ snin ta’ ħbiberija, huma sodi u mimlijin ħajja.

F’diversi setturi tal-ekonomija, għandna rabtiet mill-qrib. Il-livell ta’ kummerċ bilaterali huwa sostanzjali u pjuttost bilanċjat. Anki f’Malta, l-prodotti u servizzi ta’ kumpaniji Ġermaniżi huma bil-wisq imfittxija. Negozjanti u investituri Ġermaniżi, minn naħa tagħhom, isibu f’Malta infrastruttura effiċjenti, kundizzjonijiet attraenti, persuni kkwalifikati u ħaddiema ħabrieka.

Il-Ġermanja hija wieħed mill-akbar sieħba kummerċjali ta’ Malta. Madwar sebgħin (70) kumpanija b’interess Ġermaniż joperaw f’oqsma li jvarjaw mill-manifattura, għall-avjazzjoni, fost servizzi oħrajn.

Il-Maltin japprezzaw mhux ftit il-fatt li l-maġġoranza tat-turisti Ġermaniżi li jżuruna ma jiġux biss għax-xemx u l-baħar, iżda wkoll għax f’Malta jsibu konċentrazzjoni ta’ wirt kulturali li, kif isostnu ħafna esperti fil-qasam, imkien ma ssib bħalu fi spazju daqstant limitat.

Minn naħa l-oħra, in-numru ta’ Maltin u ta’ barranin li jgħixu Malta, u li jiġu l-Ġermanja fuq xogħol jew għall-btala, qiegħed dejjem jikber. Dan huwa rifless fiż-żidiet fit-titjiriet ta’ kuljum bejn iż-żewġ pajjiżi offruti miż-żewġ linji nazzjonali.

Ir-relazzjonijiet fis-settur kulturali u edukattiv huma b’saħħithom. Għadd ġmielu ta’ tfal u żgħażagħ Maltin jagħżlu li jistudjaw il-lingwa Ġermaniża fl-iskola u fil-livell terzjarju. Ħafna adulti jsegwu korsijiet ta’ filgħaxija u jattendu attivitajiet b’konnessjoni ma’ dawn il-korsijiet. Iċ-Ċirklu Malti-Ġermaniż f’Malta u l-Għaqda Ġermanja-Malta hawnhekk fil-Ġermanja jgħinu mhux ftit biex iċ-ċittadini taż-żewġ pajjiżi jsiru jafu lil xulxin aħjar u biex tikber il-ħbiberija bejniethom. Iċ-Ċentru għall-Istudji tal-Malti fl-Università ta’ Bremen, li jiena se jkolli l-pjaċir inżur nhar il-Ħamis, huwa l-uniku wieħed tax-xorta tiegħu fid-dinja barra minn Malta.

Sur President, b’dispjaċir ngħid, li ħafna mill-ġirien tagħna fil-Mediterran qed jiffaċċjaw diffikultajiet politiċi, soċjali u ekonomiċi enormi.

Fin-nofs ta’ dan il-baħar, Malta toffri stabbiltà, kontinwità u serjetà politika, ekonomika u finanzjarja. Il-Ġermanja għandha f’Malta partner serju, żgħir, iżda affidabbli.

Jiena ċert li l-Maltin se jkomplu jistinkaw biex jagħtu dak kollu li jistgħu biex jibqgħu mixjin ’il quddiem f’kull settur, u ma jkunux ta’ xkiel jew piż żejjed għal ħadd. 

Kif għamlet kull darba li kien hemm il-bżonn, Malta se tkompli tagħti l-kontribut tagħha bil-għan li l-familja Ewropea kollha tissaħħaħ. Jiena ninsab fiduċjuż li f’dan, kif għamlet fil-passat, se tissokta taħdem mill-qrib mar-Repubblika Federali tal-Ġermanja.

Malta se tibqa’ taħdem għal tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-ġirien fil-Mediterran. Se tibqa’ wkoll tappoġġa kull inizjattiva li tgħin biex tkabbar il-perspettiva Ewropea fl-istati tal-Balkani fil-Lvant tal-Ewropa.

Malta, bħal sħabha Ewropej, hija preokkupata u tikkundanna dak li qiegħed jiġri fil-Krimea; is-sovranità u l-integrità terrritorjali tal-Ukrajna għandhom jiġu dejjem rispettati. Minn naħa l-oħra, minkejja d-diffikultajiet kollha, għandna nibqgħu nfittxu t-triq ta’ djalogu politiku u nevitaw kull aġir jew dikjarazzjoni li jistgħu jeskalaw il-konfrontazzjoni. 

Sinjuri, nitlobkom issa tgħollu t-tazza, bis-saħħa tal-President Gauck u s-Sinjura Schadt, bis-saħħa tal-popli tal-Ġermanja u ta’ Malta, b’risq ir-relazzjonijiet eċċellenti li jeżistu bejn il-pajjiżi tagħna, u għall-paċi dejjiema u l-prosperità bejn il-ġnus kollha tad-dinja.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow