IS-SOĊJETÀ TISTENNA L-AQWA LIVELL TA’ AĠIR ETIKU MILL-MEMBRI TAL-PROFESSJONIJIET LEGALI
Il-Kodiċi ta’ Etika li jorbot lill-professjonijiet legali jistabbilixxi l-istandards minimi etiċi ta’ imġiba li wieħed għandu jistenna mill-membri tal-professjonijiet legali. Biss, is-soċjetà tistenna li l-aġir tal-membri tal-professjonijiet legali ma jkunx sempliċement wieħed li jilħaq il-minimu li wieħed hu mistenni minnu, imma li wieħed jilħaq il-massimu u dan għaliex is-soċjetà, fil-membri tal-professjonijiet legali, għadha tara punt ta’ referenza.
Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Owen Bonnici hekk kif ilbieraħ wara nofsinhar ippreżenta l-warrants lil 83 Avukat u 2 Prokuraturi Legali ġodda li minnhom maġġoranza assoluta kienu nisa (53 mara u 42 raġel). Huwa qal li l-ħtieġa li wieħed jimxi b’etika tal-aħjar livell hija meħtieġa speċjalment wara l-mumenti diffiċli li s-sistema ġudizzjarja għaddiet minnhom fl-aħħar snin.
Dr Bonnici appella lill-avukati u l-prokuraturi legali l-ġodda biex jiftakru illi l-istandards tal-professjoni huma xi ħaġa li wieħed irid jgħixhom matul il-ħin kollu tal-ġurnata, sew jekk wieħed ikun waqt ix-xogħol u sew jekk wieħed ma jkunx. Sostna li iktar ma jara membri fil-professjoni li jidħlu fid-dinja tax-xogħol u jesploraw niċeċ ġodda, iktar jikber is-sinjal li pajjiżna qiegħed jissoda ekonomikament. Huwa wera s-sodisfazzjoni tiegħu għal kumpaniji u ditti tal-avukati privati li qegħdin kulma jmur jespandu, joħolqu niċeċ ġodda u jikkreaw iktar ġid li minnu jgawdi l-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Fuq nota iktar personali, Dr Bonnici irrikomanda lill-iggradwati sabiex jippruvaw iżommu bilanċ bejn ix-xogħol impenjattiv li ser ikollhom u l-ħajja privata tagħhom, speċjalment fejn tidħol il-familja.
Finalment is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja, awgura kull suċċess filwaqt li sostna li l-Gvern huwa partner sinċier ta’ min bħalhom qiegħed fil-prattika professjonali.
Għall-preżentazzjoni tal-warrants attendew ukoll il-Prim Imħallef Dr Silvio Camilleri, l-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech, il-President tal-Kamra tal-Avukati Dr Reuben Balzan, id-Direttur Ġenerali għall-Ġustizzja s-Sur Natalino Attard, id-Direttur Ġenerali għall-Qrati s-Sur Frankie Mercieca, u membri oħra tal-Kumitat Eżekuttiv tal-Kamra tal-Avukati.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en