Left arrow Mur Lura

L-EDUKAZZJONI TA’ ULIEDNA DWAR ID-DRITTIJIET TAGĦHOM BĦALA KONSUMATURI HIJA KRUĊJALI BIEX IKOLLNA SOĊJETÀ FEJN IĊ-ĊITTADINI JKUNU KONXJI AKTAR DWAR ID-DRITTIJIET U L-OBBLIGI TAGĦHOM

pr140453
Date Icon 10/03/2014

L-edukazzjoni ta’ uliedna dwar id-drittijiet tagħhom bħala konsumaturi hija kruċjali biex ikollna soċjetà fejn iċ-ċittadini jkunu konxji aktar dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom.

Dan qalitu l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dr Helena Dalli, waqt ċeremonja ta’ għoti ta’ ċertifikati lill-parteċipanti ta’ kompetizzjoni dwar l-għarfien tal-konsumatur tar-rivista ‘Sagħtar’, organizzata mill-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA).

Il-Ministru Dalli qalet li wara assenza ta’ diversi snin, huwa ta’ sodisfazzjon li għal darb’oħra qed nerġgħu naraw il-paġna dwar il-konsumaturi f’din ir-rivista tant popolari mal-istudenti u l-familji Maltin u Għawdxin. 

Dr Dalli qalet li hija dejjem tagħmel enfasi fuq il-fatt li l-edukazzjoni trid tibda sa minn età żgħira – kemm fil-familja, kif ukoll fl-iskola.  Hi appellat lill-ġenituri preżenti biex jifhmu l-importanza li t-tfal tagħna jitrawwmu f’ambjent fejn ikunu jafu bid-drittijiet tagħhom u jkunu assertivi meta dawn id-drittijiet jiġu mittiefsa.

L-edukazzjoni tal-konsumatur illum hija parti mill-Kurrikulu Minimu Nazzjonali.  Dan it-tagħlim qed jingħata fis-suġġetti tal-Personal and Social Development, il-Home Economics u l-Istudji Soċjali.

Bħalissa dan il-Kurrikulu qed ikun rivedut u l-Awtorità Maltija għall-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) qegħdha f’diskussjonijiet mad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni sabiex l-edukazzjoni tal-konsumatur tkun aġġornata sabiex tirrifletti aktar ir-realtajiet ġodda tal-lum, inkluż il-qafas legali l-ġdid li qed naħdmu fih.

Dalli qalet li proġett ieħor li l-MCCAA qed tagħti kontribut fih huwa l-proġett tal-Kummissjoni Ewropea, imsejjaħ ‘Consumer Classroom’.  Dan huwa sit komunitarju għall-għalliema li fih jiġbor librerija estensiva ta’ riżorsi, minn madwar l-Ewropa, dwar l-edukazzjoni tal-konsumaturi.  Dan joffri wkoll għodod interattivi sabiex l-għalliema jibnu u jaqsmu lezzjonijiet mal-istudenti u ma’ għalliema oħra.

Il-Kummissjoni Ewropea tħares lejn dan il-proġett bħala mezz kif tinxtered aħjar l-informazzjoni dwar id-drittijiet tal-konsumaturi.

Permezz tal-‘Consumer Classroom’ qed tiġi organizzata kompetizzjoni bejn l-iskejjel, li bħala suġġett għandha “Xiri Online – Kun af biżżejjed biex tieħu l-aħjar deċiżjonijiet”.

Dr Dalli qalet li l-edukazzjoni m’għandhiex limitu ta’ età.  Din trid tkun proċess kontinwu matul il-ħajja.  Wara kollox l-għarfien tas-soċjetà dwar l-affarijiet tal-konsumatur, inkluż il-liġijiet, jibqgħu jinbidlu matul iż-żmien.

Hi qalet li filfatt, inizjattiva li nieda l-Gvern fil-bidu ta’ din is-sena hija li waqqaf information kiosks f’ċentri kummerċjali differenti biex jikber l-għarfien tal-konsumaturi ta’ kull età.

Dan apparti inizjattivi oħra tal-MCCAA, fosthom kampanja edukattiva, seminars li jkunu organizzati regolarment għall-pubbliku, artikli fil-gazzetti, u l-produzzjoni tar-rivista ‘L-Għażla’ li titqassam fid-djar u n-negozji kollha ta’ Malta u Għawdex.

L-edukazzjoni tal-konsumaturi trid tkun miftuħa għal kulħadd.

Il-Ministru Dalli qalet li rridu nkunu sensibbli għall-persuni vulnerabbli, bħal ma’ huma t-tfal, l-anzjani, il-persuni b’diżabbiltà, kif ukoll nies li għandhom il-problema tal-illitteriżmu, fost l-oħrajn.

Din iċ-ċeremonja kienet organizzata bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-MCCAA fl-okkażżjoni tal-Jum Dinji għad-Drittijiet tal-Konsumatur.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow