AKTAR MA L-PRODOTTI FIS-SUQ IKUNU SOSTENIBBLI AKTAR IKUNU KOMPETITTIVI - IL-MINISTRU LEO BRINCAT
Spiċċa ż-żmien li meta tintroduċi prodotti sostenibbli fis-suq tkun qiegħed biss timmina l-kompettitività tal-istess prodotti. Anzi għall-kuntrarju aktar ma prodott ikun sostenibbli aktar isir kompetittiv. Dan qalu l-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat waqt li kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet mnedija mir-rappreżentanti lokali tal-kumpanija multinazzjonali UNILEVER dwar l-introduzzjoni ta' prodotti ġodda fis-suq lokali.
Il-Ministru Leo Brincat qal li għalkemm il-Gvern mhux ser joħroġ għonqu biex jappoġġja prodotti speċifiċi ta' ditti partikolari, xorta waħda jemmen li għandha tingħata merħba lil kull prodott sostenibbli li jiġi introdott għall-benefiċċju tal-konsumaturi, hu x'inhu l-qasam involut.
Il-Ministru Brincat qal li dan jgħodd l-aktar meta l-prodott ikkonċernat jgħin biex jitnaqqsu l-gassijiet serra fil-pajjiż u jnaqqas l-impatt tal-iskart iġġenerat minħabba l-mod kif il-prodott jista’ jiġi mċekken fid- daqs.
Il-Ministru Brincat qal li għalkemm huwa dmir tal-Gvernijiet li jmexxu bl-eżempju, huwa ta' sodisfazzjon li jara tant kumpaniji u ditti barranin u lokali jagħtu daqstant importanza lill- prodotti sostenibbli.
Il-Ministru Leo Brincat qal li dawn huma eżempji tipiċi u ħajjin ta' dawk li jissejħu eco-friendly products - prodotti li jħarsu l-ambjent ta' madwarna.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en