SENA TA’ ĦIDMA
Malta hija art ta’ Opportunità
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-ewwel sena ta’ ħidma tal-Gvern kienet waħda ta’ enerġija u filwaqt li sar ħafna, għad jonqos ħafna x’isir. Huwa qal li l-Gvern se jibqa’ jaħdem biex ikompli jagħmel minn pajjiżna art ta’ opportunità, art ta’ ugwaljanza u art ta’ innovazzjoni.
Il-Prim Ministru kien qed jindirizza konferenza stampa dalgħodu u matulha ta rendikont tal-ewwel sena ta’ ħidma minn meta l-poplu Malti għamel il-ġudizzju tiegħu.
Art ta’ Opportunità
Il-Prim Ministru stqarr li għalkemm dan mhux gvern perfett, il-kisbiet xorta waħda kienu bosta. Dan il-Gvern irnexxielu jbaxxi l-kontijiet tad-dawl, minkejja li l-Oppożizzjoni qalet li dan mhux possibli. Dan il-Gvern ħadem ukoll biex jassigura aktar trasparenza fil-politika permezz tal-Whistleblower’s Act, it-tneħħija tal-preskrizzjoni fuq korruzjoni tal-politiċi u dalwaqt se jkun hemm ukoll liġi dwar il-finanzjarjament tal-partiti.
Art ta’ Ugwaljanza
Dr Muscat tenna li dan il-Gvern qed jaħdem biex ikun hemm ugwaljanza għal kulħadd u hekk kulħadd ikollu d-dritt li jibni familja ma’ min iħobb, mingħajr l-indħil tal-Gvern u il-ġudizzju tal-Istat. Il-Prim Ministru żied jgħid, “Fi ftit tal-jiem oħra, ħa nkunu f’pożizzjoni li ndaħħlu, min-naħa tal-Gvern mingħajr ripensamenti, id-dritt għall-unjoni ċivili għal kulħadd.”
Dr Muscat qal li childcare bla ħlas li se jitnieda fil-jiem li ġejjin se jħeġġeġ aktar nisa biex joħorġu fis-suq tax-xogħol. L-għotja ta’ stipendju, anki għal min jirrepeti sena jkompli jgħin lill-istudneti fil-mixja edukattiva tagħhom.
Il-Prim Ministru qal li f’dan il-Gvern it-tnaqqis fit-taxxa beda mill-ewwel ġurnata. Bħalissa qed jingħataw lura l-flus li ttieħdu mingħand il-konsumaturi fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi. Dan il-Gvern ta wkoll diversi inċentivi lil min jimpjega n-nies u lin-negozji.
Dr Muscat żied jgħid, “Flimkien qed inwettqu l-bidla mwegħda u qegħdin nwettquha l-appoġġ tal-poplu u r-riżultati li qed niksbu flimkien huma l-kisbiet tal-poplu.”
In-nomina ta’ President mara, li mhijiex nomina ta’ tokenism, hija waħda storika li turi li wara 25 sena se jerġa ikun hemm rispett għan-nisa. Waqt li l-Gvern iċċaħħad minn Marie Louise Coleiro Preca, il-pajjiż rebaħ Presidenza mill-aqwa li se ġib magħha bidliet kbar li hemm bżonn.
Art ta’ Innovazzjoni
Il-Prim Ministru saħaq li bħalissa hemm rivoluzzjoni siekta għaddejja fl-edukazzjoni, sabiex l-iskejjel jilħqu livell Ewropej u li ma jkunx hemm ambjent ta’ studu għall-eżamijiet.
Il-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment ħa jħalli elf miljun ewro tul il-ħajja tiegħu biex f’Malta jinħoloq aktar ġid u investiment.
Dr Muscat għalaq billi qal, “Aħna nemmnu li affarijiet jistgħu jsiru. F’din l-ewwewl sena ħdimna iżda fadal ħafna u ħafna xogħol xi jsir. Għad fadal sfidi iżda ħa nkomplu b’mentalità fejn ma noqgħodux neqirdu dwar il-wirt li ħadna imma minflok se nkunu qegħdin niffaċjaw l-isfidi b’serenità u bil-mod li verament għandhom isiru biex dan il-pajjiż ikun suċċess permezz ta’ Gvern li jaħdem.”
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en