STRATEĠIJA GĦALL-ISPORT SE TKUN IPPREŻENTATA GĦALL-KONSULTAZZJONI PUBBLIKA FIL-FUTUR QRIB
Pajjiżna jeħtieġ strateġija dwar l-isport stqarr is-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport Stefan Buontempo fil-Kumpless Sportiv tal-Kottonera, hekk kif ħabbar il-finalisti ta’ Ġieħ l-Isport Malti ta’ din is-sena, li ċ-ċerimonja se ssir fil-15 ta' Marzu.
Dr Buontempo qal li l-istrateġija għandha tistabilixxi mezzi ta' kif għandha tiġi indirizzata l-inklużjoni soċjali. Għandha tassigura li kulħadd ikun jista' jipparteċipa fl-isport, inkluż gruppi vulnerabbli.
Permezz tal-istrateġija, l-isport għandu jitqies bħala mezz li bih wieħed jista' jeduka. L-isport jista' jiġi inkorporat f'diversi suġġetti oħra, biex b'hekk jitnaqqas l-illitteriżmu. Żgħażagħ Maltin jistgħu jiksbu ħiliet mhux biss relatati mal-attività sportiva, iżda wkoll ma' kunċetti bħall-ħidma fi gruppi.
Strateġija fil-qasam sportiv għandha ssarraf f'poplu b'saħħtu fiżikament u mentalment, li jħossu magħqud permezz tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet fiżiċi. Għandhom jiġu indirizzati setturi partikolari, biex jiġu attwati kunċetti bħall-anzjanità attiva.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo tkellem dwar l-isport kompetittiv u dwar il-bżonn ta' aktar inizjattivi ta' taħriġ għall-atleti Maltin. Bla tlaqliq stqarr li jeħtieġ pjan ċar ta' kif se jiġu indirizzati l-abbuż illegali ta' sustanzi u l-match fixing.
Barra minn hekk Buontempo żied jgħid li għandu jinstab mezz ta' kif organizzazzjonijiet sportivi jsiru aktar sostenibbli u kif faċilitajiet sportivi jistgħu jintużaw b'mod aktar effiċjenti. L-effiċjenza għandha tidħol ukoll fil-mod li bih jiġu amministrati l-għaqdiet sportivi.
Fid-dawl ta' dan kollu tkellem dwar ir-rwol li għandhu jkollu l-Kunsill Malti għall-Isport. Spjega li dan għandu jservi ta' regolatur, filwaqt li jfassal policies, standards u kodiċi tal-etika.
Is-Segretarju Parlamentari Buontempo temm jgħid li attwalment grupp ta' sportivi, akkademiċi u amministraturi qed jaħdmu fuq l-istrateġija għall-isport. Wara, l-istrateġija se tkun ippreżentata għall-konsultazzjoni pubblika.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en