170 INTRAPRIŻA GĦAWDXIJA TIPPARTEĊIPA FL-EMPLOYMENT AID PROGRAMME
Skema b'vot ta' 1.9 miljun Ewro Fondi Ewropej se tħaddem 357 persuna li aktar minn nofshom huma nisa
Il-Ministru għal Għawdex Dr. Anton Refalo flimkien mas-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza UE 2017 u Fondi Ewropej Dr. Ian Borg ippreżentaw l-għoti tal-grant agreement tal-iskema Employment Aid Programme li ġie ffirmat bejn l-ETC u min iħaddem. L-Employment Aid Programme hi skema tal-Fond Socjali Ewropew li permezz tagħha dawk li jimpjegaw ħaddiema ġodda magħhom se jiġu mogħtija għajnuna finanzjarja ekwivalenti għal nofs il-paga ta' dawn l-impjegati l-ġodda fl-ewwel sena.
Iċ-Chairperson tal-ETC is-Sur Alfred Grixti, wera s-sodisfazzjon tiegħu għas-suċċess li kisbet din l-iskema. Huwa tkellem fuq l-impenn tal-Gvern li jassigura li 10% tal-Fondi Ewropej jiġu allokati għal Għawdex. Dan ġie muri biċ-ċar bis-sistema tal-EAP fejn permezz tagħha ġew ivvutati 1.9 miljun Ewro Fondi Ewropej. Huwa semma kif f'din l-iskema pparteċipaw 170 intrapriża Għawdxija. Dawn ha jħaddmu 357 persuna li jinqasmu 179 raġel u 178 mara. Huwa qal, kif filwaqt li 46 minn dawn il-persuni (16 mara, 30 raġel) kienu jirreġistraw, 198 persuna (99 mara, 99 raġel) kienet inactive jiġifieri la taħdem u lanqas tirreġistra. 38 persuna (23 mara, 15 raġel) kellha xogħol temporanju jew fuq bażi part-time, filwaqt li 75 persuna (40 mara, 35 raġel) kienet diġà fuq il-work training and exposure scheme tal-Ministeru għal Għawdex. Is-Sur Grixti saħaq kif grazzi għal din l-iskema dawn il-persuni daħlu fis-suq tax-xogħol. Statistika fuq skemi bħal dawn turi li r-rata tan-nies li baqgħu fl-impjieg wara li bbenefikaw mill-iskema hija ta’ ’l fuq minn 70%.
Il-Ministru għal Għawdex Dr. Refalo tkellem fuq id-dedikazzjoni tal-Gvern li juża l-Fondi Ewropej bl-aktar mod effettiv. Il-Ministru Refalo tenna l-impenn tiegħu biex jipprovdi skemi li jservu bħala training and working exposure. "Dawn l-iskemi huma biss il-bidu. Il-Gvern għandu l-viżjoni li jkompli jaħdem biex joħloq politika ffukata fuq il-karatteristiċi uniċi tal-gżira Għawdxija fil-qasam tax- xogħol u r-riġenerazzjoni tal-ekonomija", qal il-Ministru Refalo.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej Dr. Ian Borg assigura li waqt il-programm finanzjarju preżenti li jkopri l-perjodu 2014-2020 se jerġa' jkun hemm fondi allokati għal skemi simili bħal Employment Aid Programme kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex. Dan għaliex din l-iskema ntlaqgħet tajjeb kemm mal-ħaddiema li kienu qed iffittxu x-xogħol kif ukoll ma' min iħaddem. Il-Gvern jinsab on-track fil-programmazzjoni tal-Fondi Ewropej.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en