Left arrow Go Back

IL-MINISTRU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U INTRAPRIŻI ŻGĦAR DR. CHRIS CARDONA JATTENDI T-TNEDIJA TAL-MELLIEĦA BUSINESS FORUM

pr140441
Date Icon 08/03/2014

lI-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Dr. Chris Cardona, dalgħodu indirizza lill-komunità tal-Mellieħa matul Business Breakfast organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa fl-okkażjoni tat-tnedija tal-Mellieħa Business Forum.

Il-Ministru Cardona beda biex faħħar din l-inizjattiva tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa u d-diskriviha bħala okkażjoni li tgħin lill-Gvern biex iwassal il-messaġġ tiegħu li huwa Gvern favur in-negozju. Huwa kompla jgħid li kull negozju f’Malta jgawdi rispett sħiħ mill-Gvern: “Tista’ tkun  fabbrika li tħaddem mijiet tan-nies, lukanda, kuntrattur, impriża li tħaddem ftit nies, ħanut u saħansitra l-bejjiegħa tal-monti...dawn ilkoll huma operaturi ekonomiċi.” qal il-Minstru Cardona.

Dr.Cardona qal li l-istrateġija ekonomika tal-Gvern għandha għan ewlieni; “dik li nimmassimizzaw l-potenzjal ekonomiku tal-pajjiż u biex nagħmlu dan, aħna bħala Gvern, nagħrfu li kull forma ta’ intrapriża għandha rwol.”

Il-Minstru Cardona rrefera għall-ħidma tal-Gvern li twettqet matul is-sena li għaddiet u li turi l-impenn li ntwera lejn kull forma ta’ negozju. Bħala eżempji ta’ dan ix-xogħol il-Ministru Cardona semma:

• Il- liġi innovattiva dwar in-negozji tal-familja.

• Ir-riforma sħiħa fil-proċess tal-kuntratti pubbliċi biex tingħata opportunità akbar lin-negozji  jkunu suċċess.

• It-tisħieħ tal-iskemi tal-Micro Guarantee, Micro Invest u l-Jeremie.

• It-tisħiħ tal-Business First fi ħdan il Malta Enterprise biex din tabilħaq isservi l-għan li għalih twaqqfet. 

Il-Ministru Cardona qal ukoll li bħalissa għaddej xogħol fuq whitepaper, li ser titħabbar minn hawn u ftit żmien ieħor, dwar il-ħinijiet tal-ftuħ tal-ħwienet u nkoraġixxa lil dawk preżenti biex jinvolvu ruħhom fid-diskussjonijiet dwar din ir-riforma.

“Miżura oħra li se tkun qed tħalli effett pożittiv fuq in-negozju tagħkom huwa r-roħs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Kontijiet tad-dawl orħos għall-familji, ifissru aktar flus fil-but għall-konsumaturi u allura għall-klijenti tagħkom.” qal il-Ministru Cardona.

Il-Ministru Cardona ikkonkluda l-intervent tiegħu billi awgura suċċess l-Mellieħa Business Forum u qal li konvint li din l-inizjattiva se tkun qed tilħaq l-għan tagħha, filwaqt li inkoraġixxa lil dawk preżenti biex ikunu aktar kreattivi u innovvattivi fin-negozju tagħhom biex jiġġeneraw aktar attività ekonomika u jkunu ta’ aktar suċċess, anke għall-ekonomija Maltija. 

Fost dawk preżenti għal dan il-Business Breakfast organizzat mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa kien hemm is-Sindku tal-lokal is-Sur John Buttiġieġ. 

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow