IL-GVERN QED IĦARES LEJN 4 KATEGORIJI TA’ INDUSTRIJA GĦALL-IŻVILLUPP TAĊ-ĊENTRU MARITTIMU FUQ IS-SIT TAS-SHIPBUILDING FIL-MARSA – IL-MINISTRU CARDONA
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Dr. Chris Cardona ħabbar li l-Gvern, permezz tal-Privitisation Unit, identifika 4 għażliet strateġiċi għal l-iżvillup ta’ dan is-sit. Iċ-Ċentru Marittimu għandu jkun ibbazat jew fuq:
i. Oil and Gas Industry, and Logistics
ii. Ship Repair, Heavy Industry, Yachting and Logistics
iii. Super Yacht Refit and Repair Facility and an Offshore Energy Regional Support Base
iv. Servicing of Yachts, Supply of Hard-Standing Facilities and other Services
Il-Ministru Chris Cardona qal li l-Gvern jemmen li dawn il-kategoriji huma l-oqsma li jimmassimizzaw bl-aħjar mod possibbli din iz-zona industrijali għaliex joffru prospetti ta’ valur miżjud, żvillupp tal-kapital uman u fuq kollox opportunitajiet sinifikanti ta’ impjiegi.
Dr. Chris Cardona qal li kull applikant li ssottometta l-proposta tiegħu, irrispettivament minn dak li ppropona, se jingħata ċ-ċans jissottometti l-pjan tiegħu taħt waħda minn dawn l-erba’ kategoriji. Għalhekk, ir-Request for Proposals li se tinħareġ mill-Gvern se tagħti opportunità lit-tmienja u għoxrin (28) investitur li kienu issottomettew l-espressjoni ta’ interess tagħhom għall-iżvilupp ta’ Maritime Hub biex issa jissottomettu il-proposti tagħhom taħt waħda min dawn l-erba’ kategoriji, kienet x’kienet l-idea oriġinali tagħhom għall-iżvilupp ta’ dan is-sit.
Spjega li fil-każ ta’ l-ewwel tliet kategoriji qed jintalab li l-proposti jsiru għall-iżvilupp tas-sit kollu biex ma jkunx hemm ħela ta’ riżorsi, ta’ spazju, ta’ art u tal-baħar f’dan is-sit. In-natura tal-industrija li qiegħda tiġi identifikata taħt kull waħda min dawn it-tliet kategoriji tippermetti li s-sit kollu jiġi użat esklussivament għal dik it-tip ta’ industrija. Għalhekk il-proponenti se jkunu mitluba jissottomettu proposti dettaljati għal pjan ta’ żvilupp li jinkorpora l-użu tas-sit kollu taħt l-ewwel tliet kategoriji.
Il-Ministru Cardona spjega li meta ntgħażlu l-kategoriji ngħatat attenzjoni partikolari l-human capital development u opportunitajiet ta’ impjiegi ta’ kwalità li jista jkun hemm taħt kull kategorija. Għaldaqstant meta se ssir l-għażla finali, dawn il-fatturi ser jingħataw importanza kbira.
Wara li tingħata il-konċessjoni lill-proponenti jew proponent rebbieħ, fl-iżvilupp, amministrazzjoni u immaniġjar ta’ dan is-sit, il-proponenti se jkunu responsabbli li jimxu mar-regoli tal-‘Green Construction Concept’ skont leġislazzjoni lokali u Ewropea.
Il-Ministru Chris Cardona qal li l-Gvern iħares lejn dan l-iżvilupp ta’ Ċentru Marittimu fis-Ship building tal-Marsa bħala wieħed ċentrali għall-istrateġija ekonomika tal-pajjiż. Strateġija li fi kliemu diġà bdiet tħalli r-riżultati li kienu rikonoxxuti kemm mill-Kummissjoni Ewropea kif ukoll minn aġenziji internazzjonali ta’ kreditu.
“Bl-istess mod li ksibna u qegħdin niksbu suċċess fl-attrazzjoni ta’ investiment dirett barrani, ninsabu ottimisti li se nittrasformaw dan is-sit, li tħalla abbandunat u bla valur mill-amministrazzjoni preċendenti, f’ċentru ewlieni ta’ impjiegi ta’ kwalità, f’settur bi tradizzjoni kbira f’pajjiżna: is-settur marittimu”.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en