IL-MINISTRU GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN, GEORGE W. VELLA, JIEĦU SEHEM FIT-TIENI KONFERENZA INTERNAZZJONALI DWAR IL-LIBJA
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, George W. Vella, illum kien qiegħed Ruma fejn ħa sehem fit-Tieni Konferenza Internazzjonali dwar il-Libja organizzata mill-Ministeru għall-Affarijiiet Barranin Taljan.
Din il-konferenza, hija waħda minn sensiela ta’ konferenzi, fejn pajjiżi u organizzazzjonijiet internazzjonali jiġu flimkien biex janalizzaw dak li jkun qiegħed isir fil-Libja, u biex flimkien jaraw x’kontribut kull pajjiż jista’ jagħti biex jitwaqqfu u jissaħħu l-istituzzjonijiet li bihom titħaddem id-demokrazija.
Il-konferenza ddiskutiet ukoll mezzi li bihom jista’ jintlaħaq livell aħjar ta’ sikurezza u t-twettiq tar-regola tal-liġi, u biex jiftehmu kif jissaħħu l-forzi ċivili u militari, li huma bżonnjużi biex tinżamm l-ordni u jiġu msaħħa l-kontrolli meħtieġa tul il-fruntieri kollha tal-Libja.
Din il-Konferenza laqqgħet flimkien mal-ħamsa u erbgħin pajjiż u organizzazzjoni, inklużi l-Istati Uniti, ir-Russja, ħafna pajjiżi Ewropej u oħrajn Afrikani. Meta indirizza l-konferenza, il-Ministru Vella fil-preżenza tal-Prim Ministru Libjan, tenna l-impenn tal-Gvern Malti li jagħti sustenn lill-Gvern u l-poplu Libjan f’dawn il-mumenti delikati ta’ riforma u transizzjoni. Il-Ministru Vella saħaq fuq l-importanza li din il-konferenza ma tkunx biss okkażjoni ta’ darba u li d-diskussjonijiet jissarrfu fi proġetti konkreti li jindirizzaw it-tisħiħ tal-istituzzjonijet Libjani.
Il-Ministru semma l-importanza li l-komunità internazzjonali tibni kuntatti sodi mal-Libja f’kull qasam, kemm fuq livell politiku kif ukoll dak ta’ bejn il-popli. Huwa semma wkoll il-ħtieġa li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-fruntieri tal-Libja permezz ta’ assistenza internazzjonali biex jitnaqqsu attivitajiet illegali bħat-traffikar tal-armamenti u drogi, kif ukoll l-immigrazzjoni illegali.
Il-Ministru Vella rrefera għall-proġetti mħejjija mill-Gvern Malti għall-assistenza tal-Libja f’diversi oqsma, u b’mod partikolari dawk tat-taħriġ tal-Pulizija tad-Difiża u l-Ġudikatura. Il-Ministru semma wkoll il-preżenza ta’ uffiċjali mill-Forzi Armati ta’ Malta illi qed jaqdu dmirijiet fi ħdan il-European Union Integrated Border Assistance Mission (EUBAM) fil-Libja, speċifikament fil-qasam ta’ taħriġ intensiv fuq il-fruntieri marittimi.
Il-Ministru Vella semma wkoll l-impenn tal-Ministeru għall-Affarrijiet Barranin li jingħata taħriġ lill-membri tal-Korp Diplomatiku Libjan, kif tħabbar waqt iż-żjara f’Malta tal-Viċi Ministru għall-Affarijiiet Barranin Libjan l-E.T. Razek Grady ftit granet ilu.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en