TIBDA L-IMPLIMENTAZZJONI TAR-RIFORMA FIL-QASAM TAL-ĠUSTIZZJA
Bl-approvazzjoni unanima ta’ abbozz ta’ liġi li jemenda diversi materji kriminali li saret matul is-seduta parlamentari tal-bieraħ bdiet l-implimentazzjoni tar-Riforma fil-Qasam tal-Ġustizzja, u dana billi, fost oħrajn, iddaħħlu miżuri b’saħħithom li jaċċelleraw il-proċeduri fi stadju ta’ kumpilazzjoni, miżuri li jsaħħu d-drittijiet tal-arrestat u miżuri li jinċentivaw lill-kompliċi biex jikxef reati kriminali.
Ammissjoni fi stadju ta’ kumpilazzjoni
L-abbozz idaħħal fis-seħħ proċedura ġdida li wieħed jingħata d-dritt li jirreġistra ammissjoni fi kwalunkwe stadju tal-proċess ta’ kumpilazzjoni u jingħata sentenza fi żmien xahar minn dik l-ammissjoni. Sa llum din il-ħaġa ma tistax issir u wieħed jista’ biss jammetti wara li jintemm il-proċess tal-kumpilazzjoni. Id f’id ma’ din il-miżura l-ġdida ġie estiż il-kunċett ta’ “plea bargaining” għall-proċeduri kriminali kollha. Sa llum il-“plea bargaining” huwa regolat biss għall-proċeduri li jsiru quddiem il-Qorti Kriminali, cioè dawk li jkunu preseduti minn Imħallef.
Bħalissa jinbdew medja ta’ 1400 kumpilazzjoni fis-sena u jiġu deċiżi bejn wieħed u ieħor l-istess ammont. Kumpilazzjoni normalment tieħu numru ta’ snin qabel ma din tingħalaq. Jeżisti wkoll “backlog” li ġej mis-snin ta’ qabel ta’ madwar 3000 kumpilazzjoni.
Tisħiħ tad-drittijiet tal-arrestat
L-abbozz ta’ liġi jsaħħaħ bil-bosta d-drittijiet tal-arrestat u jimplimenta żewġ direttivi tal-Unjoni Ewropea li għaddew fl-2010 u fl-2012.
Bis-saħħa ta’ dawn l-emendi l-pulizija se jkollha l-obbligu li tinforma lill-arrestat b’lingwa li jifhem, bil-ħames drittijiet proċedurali ewlenin:
· Id-dritt ta’ aċċess għall-avukat,
· Id-dritt għall-għajnuna legali,
· Id-diritt ta’ għoti ta’ informazzjoni dwar il-każ,
· Id-dritt ta’ interpretazzjoni meta jkun meħtieġ u
· Id-dritt li wieħed jibqa’ sieket.
Il-pulizija se jkollha wkoll l-obbligu li tgħaddi ittra bid-drittijiet lill-arrestat, liema ittra hija riprodotta fl-abbozz innifsu.
Dawn id-drittijiet se jidħlu fis-seħħ b’mod immedjat għajr id-dritt tad-“disclosure” li se jidħol fis-seħħ sal-4 ta’ Ġunju li ġej.
Il-Gvern jemmen li l-għoti tad-drittijiet lill-arrestati huwa sinjal importanti ta’ sistema ta’ ġustizzja matura f’soċjetà demokratika.
Inċentivi ġodda għal min irid jikxef
L-abbozz ta’ liġi jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità billi jkompli jdaħħal miżuri li jinċentivaw li wieħed jikxef. Il-Gvern jemmen li miżuri bħal dawn ikomplu jkissru l-ħitan tal-omertà u jgħinu lill-pulizija fil-ħidma tagħhom.
Wara li fis-Sajf li għadda l-Gvern daħħal miżuri li jinċentivaw lil min jikxef fil-kuntest ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol jew kuntratti jew servizzi bis-saħħa tal-Whistleblower’s Act, dan l-abbozz jestendi dawk il-prinċipji għall-bqija tar-reati kriminali.
B’mod effettiv bis-saħħa ta’ dan l-abbozz, dak ix-xhud li jkun hu wkoll kompliċi fir-reat li jkun lest li jikxef u jkun iddaħħal fil-Witness Protection Programme tal-pulizija ikun jista’ jikxef fi kwalunkwe stadju tal-proċeduri kontra l-prinċipal. Sa llum din ma tistax issir għaliex huwa jkun jitqies bħala xhud mhux kompetenti sakemm il-proċeduri kriminali jkunu għadhom ma ntemmux. Biex jinċentiva lil dawn it-tip ta’ xhieda biex jitkellmu, l-abbozz jagħti poter lill-Qorti li tnaqqas il-piena jew anke taħfer il-piena kompletament.
Miżuri oħrajn
L-abbozz jimplimenta numru ta’ miżuri oħrajn:
· Se jiħraxu sostanzjalment il-pieni għal min jagħmel reati sesswali fuq tfal u minuri - f’ċerti każijiet dawn il-pieni anke jirduppjaw.
· Se jiddaħħlu miżuri tal-informatika fl-oqsma ta’ skambju ta’ dokumenti bejn pajjiżi u fit-tfassil ta’ rapporti meta l-Qorti tordna “freezing order”.
· Se jingħata poter lill-Qorti li n-notifika fil-proċeduri kriminali tiġi servuta fil-ħinijiet l-oħra kollha li jmorru lil hinn mill-ħinijiet normali.
Dan l-abbozz huwa l-bidu ta’ proċess iffukat li se jwassal biex tiddaħħal ir-Riforma fil-Qasam tal-Ġustizzja li l-poplu bi dritt jixtieq.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en