REAZZJONI TAL-MINISTERU TAL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U INTRAPRIŻI ŻGĦAR GĦAR-RAPPORT TAL-AWDITUR ĠENERALI DWAR IS-SERVIZZI LEGALI RELATATI MAL-KONĊESSJONI GĦAL OPERAT TA’ ZEWĠ CASINOS
Il-Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar laqa’ l-kummenti espressi mill-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali li faħħar l-impenn tal-Ministeru li inizjalment fassal proċess ta’ għażla intenzjonat li jkun wieħed miftuħ u trasparenti, primarjament meta wessa l-kriterija t’ eleġibilità billi neħħa l-kriterju tal-esperjenza passata. L-uffiċċju tal-Awditur Ġenerali qal li dan l-impenn ippromwova l-prinċipju ta’ good governance.
Ir-rapport ikompli jgħid li l-fatt li d-ditti legali kollha ingħataw l-opportunità jissottomettu l-offerti tagħhom simultanjament ikkontribwixxa biex jintlaħaq il-livell mixtieq ta’ trasparenza li suppost ikun hemm f’dawn il-proċessi tal-għażla. L-uffiċju tal-Awditur Ġenerali rrikonoxxa li n-numru sostanzjali ta’ ditti legali li rreġistraw l-interess tagħhom jgħatu valur l-intenzjoni tal-Ministeru li jaddotta sistema ta’ għazla miftuħa u kompettitiva.
Ir-rapport stess jikkonferma illi kien nuqqas serju l-fatt li d-ditta legali li ġiet rakkomandata inizzjalment ġiet magħzula biss għax kienet l-orħos. Dan jiġġustifika l-intervent tal-Ministeru sabiex il-proċess jieħu inkonsiderazzjoni l-elementi kwalitattivi tal-offerti. Fuq kollox it-trasparenza tal-proċess hija evidenti mill-fatt li d-ditta legali magħżula ċertament m’għandha l-ebda’ konnessjoni mal-Partit Laburista u dan jista’ jiġi verifikat direttament mal-imsemmija ditta.
Madanakollu l-Ministeru jirrikonoxxi illi ċertu aspetti ta’ dan l-ewwel proċess ta’ għazla setgħu saru aħjar u f’dan ir-rigward il-Ministeru jaqbel totalment mar-rakkomandazzjonijiet tal-Uffiċċju tal-Awditur Ġenerali . Kif jirrikonoxxi l-istess rapport tal-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali l-intenzjoni tal-Ministeru kienet waħda intenzjonata li tagħti opportunità lil fierxa akbar ta’ ditti legali biex ma jibqax jiġri kif kien isir taħt l-amministrazzjoni preċedenti fejn kuntratti simili kienu jmorru dejjem għand l-istess persuni, f’okkazzjonijiet minnhom saħansitra b’sempliċi telefonata.
Il-Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar qiegħed iħares ‘il quddiem għar-rapport li l-Awditur Ġenerali se jkun qed jipprezenta dwar il-mod kif kienu jitmexxew dawn il-proċessi taħt Gvern immexxi mill-Partit Nazzjonalista. Dan bil-għan li r-rakomandazzjonijiet li jsiru jiġu wkoll implimentati biex is-sistema tkompli tiġi mtejjba u ssir aktar ġusta.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en