KUMPANIJA B’INVESTIMENT TA’ €1,000,000 F’GĦAWDEX
100 impjieg ġdid fil-gżira Għawdxija
Il-kumpanija RS2 Software Plc. se tinvesti €1,000,000 fi twaqqif b’fergħa ġdida f’Għawdex. Dan l-investiment mistenni li joħloq 50 impjieg ġdid fil-medda tat-tliet snin li ġejjin. Dan l-ammont mistenni jitla’ għal massimu ta’ 100 ħaddiem sas-sena 2020. Dan żvelah il-Ministru għal Għawdex l-Onorevoli Dr. Anton Refalo waqt is-sessjoni Gvern li Jisma li ttelgħet fil-Qala, Għawdex. Il-ministru kkwota stqarrija għall-istampa maħruġa mis-Sur Mario Schembri Chairman tal-RS2 Software li fiha stqarr li “wara li evalwat il-viżjoni tal-Gvern għal gżira Għawdxija u l-klima sana politika, il-kumpanija RS2 software p.l.c għandha l-pjaċir tikkonferma li se tkabbar l-investiment tagħha li hu suġġett għal qbil u konklużjoni tal-kuntratt bejn il-partijiet ikkonċernati”.
Il-Kumpanija RS2 tipprovdi servizz fl-immaniġjar tas-sistemi ta’ cards finanzjarji u servizzi oħra fuq livell globali u bħalissa tħaddem 120 f’Malta li 20 minnhom huma mill-gżira Għawdxija.
Dr. Anton Refalo identifika t-tliet prioritajiet tal-Gvern f’Għawdex: il-ħolqien tax-xogħol f’Għawdex, li Għawdex jara rivoluzzjoni fl-ammonti ta’ proġetti li jsiru u li Għawdex ikun fuq il-mappa internazzjonali għall-investitur u għat-turist.
Il-Ministru żvela sensiela ta’ inizjattivi innovattivi fosthom “Greener and Cleaner Gozo.” Din hi inizjattiva konġunta bejn il-Ministeru għal Għawdex, il-Ministeru għall-Edukazzjoni u Impjiegi, u l-ETC. L-ewwel skema mmirata biex tattira lil min ma jaħdimx lejn id-dinja tax-xogħol, għandha l-għan li jitnaddaf u jissebbaħ l-ambjent Għawdxi. Dawk il-persuni li m’għandhomx imjieg u dawk li kienu fuq ir-reġistru tal-qagħad tal-ETC sal-aħħar tal-2013 jistgħu jibbenefikaw minn żewġ għażliet. Għażla minnhom hi li għal 5 xhur sħaħ jgħinu lill-Ministeru għal Għawdex fit-tindif ta’ spazji pubbliċi. Huma jkunu marbuta li jaħdmu 20 siegħa fil-ġimgħa bi ħlas ta’ €75 kull ġimgħa. It-tieni għażla hi li jaħdmu għal 5 xhur b’total ta’ 40 siegħa fil-ġimgħa. Min jidħol f’din l-iskema jingħata €145 fil-ġimgħa.
Skema oħra biex tinkoraġġixxi iktar parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u tistimula attivita’ ekonomika f’setturi partikolari, tinċentiva lil min irid jaħdem għal rasu.
Dr Anton Refalo spjega kif dawk li huma bla xogħol, jew interessati li jibdew jaħdmu għal rashom jingħataw is-somma ta’ €1,000 fl-aħħar tas-sena 2014.
Matul is-sezzjoni Gvern li Jisma’ l-Ministru għal Għawdex tkellem dwar l-impenn kontinwu tal-Gvern li kif għamel tul l-aħħar 11-il xahar, joħloq sensiela ta’ attivitajiet f’Għawdex li bihom ikun attirat it-turiżmu intern. Għall-mistoqsijiet tal-pubbliku, Dr Refalo żvela li din il-viżjoni hi kkonsolidata b’politika li tifrex ukoll fuq it-turiżmu internazzjonali.
“Għalina t-turiżmu jfisser ħafna. Meta ngħidu kelma aħna nżommuha. U dak li għamilna tul dawn l-aħħar 11-il xahar. Illum nista' niżvela li fost il-proġetti li mistennija jibdew jaghtu r-riżultati hemm dik li kumpanija Maltija li ilha 12-il sena ġġib studenti f'Malta biex jitgħallmu l-Ingliż, issa se tinvesti fi proġett Għawdex,” sostna Dr Refalo.
Il-Ministru ħabbar li l-Iskola Gateway School of English, li hi skola privata akkreditata mill-Ministeru tal-Edukazzjoni se tniedi programm li se jkun esklussiv għal Għawdex.
B'effett immedjat din il-kumpanija se tibda tirreklama lil Għawdex fi swieq internazzjonali kbar fl-Ewropa kif ukoll fl-Asja. Il-ħsieb hu li jkunu attirati turisti ta' aktar minn 50 sena u ta' ċertu livell, biex jiġu f'Għawdex u jitgħallmu l-Ingliż hawn.
Dan hu l-kunċett ta' Edukazzjoni mżewġa ma' attivitajiet kulturali f'Għawdex. Dan mistenni jħalli impatt dirett fl-ekonomija Għawdxija: 1. It-turist li se jgħix u jorqod f'Għawdex. 2. It-turist li jrid jgħix il-ħajja Mediterranja: Se joħroġ jiddeverti, jiekol u jżur postijiet ewlenin f'Għawdex.
“Din hi l-viżjoni tagħna għal Għawdex, li nilħqu faxex differenti ta' turisti, b'introjtu dirett fl-ekonomija Għawdxija.”
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en