IL-MINISTRU GĦALL-EKONOMIJA, INVESTIMENT U INTRAPRIŻI ŻGĦAR, CHRIS CARDONA INIEDI “IL-FIERA L-KBIRA” LI SE SSIR F’MONTE KRISTO F’LULJU 2014
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, Chris Cardona illum nieda “il-Fiera il-Kbira” li ser iseħħ f’Monte Kristo f’Lulju tal-2014. Din il-fiera qiegħda tiġi organizzata mill-kumpanijja MKIC Ltd. għall-ewwel darba, b’kooperazzjoni ma’ persuni li għandhom esperjenza vasta fl-organizzazzjoni ta’ fieri ta’ dan it-tip.
Waqt id-diskors tiegħu il-Ministru Cardona qal li huwa ċar li s-sens ta intraprenditorija u innovazzjoni, li qiegħda turi l-MKIC Ltd., ser iħalli il-frott tiegħu. Il-Minstru Cardona awgura lil din il-kumpanija li dan il pass ikompli jwassal għas-suċċess li diġà qiegħda tgawdi fis-setturi li tikkompeti fihom. Dr.Cardona kompla jgħid li s-sens ta’ imprenditorija huwa apprezzat u inkuraġġat mill-Gvern preżenti.
“Għaliex ngħarfu l-importanza tal-imprenditorija, nidejna u se nkomplu nniedu diversi skemi fil-jiem li ġejjin biex nassiguraw li t-tfal u ż-żgħażagħ tagħna jkollhom l-għarfien neċessarju u ma joqogħdux lura milli jidħlu fid-dinja imprenditorjali.” qal il-Ministru Cardona.
Il-Ministru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar, qal li il-Gvern jgħraf l-irwol importanti li għandu fejn jidħol in-negozju u li l-prinċipju li jigwida il-gvern f’dan is-settur huwa li jħallu n-negozju jaħdem.
“Tħalli n-negozju jaħdem ifisser li tkun kapaċi tifhem l-esiġenzi tiegħu bħal perezempju l-fatt li għan-negozju il-ħin ifisser flus.” saħaq il-Ministru Cardona.
Bħalha xhieda tar-riżultati tajbin li qed jikseb il-Gvern, Dr.Cardona irrefera għan-numru rekord ta’ proġetti approvati mill-Malta Enterprise matul l-2013 kif ukoll numru sostanzjali ta’ allokazzjonijiet ta’ fabbriki mill-Malta Industrial Parks.
Il-Ministru Cardona kompla jgħid: “Huwa bi pjaċir kbir li nisma’ illi din l-inizjattiva l-ġdida tal-MKIC Ltd. qiegħda toffri lok għall-impjiegi ġodda u nawgura li din l-inizjattiva tkun waħda ta’ suċċess biex din il-kumpanija tkun tisa’ tkompli tikber u, fuq kollox, toħloq aktar opportunitajiet ġodda ta’ impjiegi.”
Il-konferenza tal-aħbarijiet kienet ukoll indirizzata mill-General Manager ta’MKIC Ltd., is-Sur Pierre Fenech li qal li din il-fiera hija wkoll riżultat tax-xogħol tal-kumpanijja ‘Expo Events Malta’ li ġiet iffurmata ma’ nies esperti f’dan il-qasam ta’ l-organizzazzjoni tal-fieri.
Is-Sur Fenech kompla jgħid li min mindu ġie varat dan il proġett tliet gimgħat ilu, fit-tnax ta’ Frar, l-organizzaturi kienu inkoraġġati ħafna bir-rispons pozittiv illi rċevew mingħand l-esibituri, fejn ħafna minnhom mill-ewwel fehmu l-proġett u saħansittra għażlu il post tal-istand li jixtiequ jkollhom.
Fl-għeluq tad-diskors tiegħu il-Ministru Cardona inkoraġġixxa lill-MKIC Ltd. biex tkompli tkun innovvattiva fis-servizzi u l-faċilitajiet li toffri, filwaqt li awgurala kull suċċess u rringrazzjaha tal-kontribut siewi li qed tgħati lill-ekonomija lokali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en