Left arrow Go Back

An Analysis of the Sourcing of Legal Services with respect to the Granting of Concessions to Operate Two Casinos

pr140411mt
Date Icon 05/03/2014

Fis-16 ta’ Awwissu 2013, il-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni fuq il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC) formalment talbu lill-Awditur Ġenerali (AĠ) biex jinvestiga l-proċedura li ntużat mill-Privatisation Unit (PU) fl-għażla ta’ ditta legali. Din id-ditta legali kellha tassisti u tagħti l-pariri neċessarji fil-proċess għas-sejħa tal-espressjoni tal-interess fil-konċessjoni ta’ żewġ liċenzji tal-każino` lill-Ministeru għall-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar (MEIB). Dan il-Ministeru kellu jkun assistit minn diversi entitajiet oħra, inkluż il-PU. L-AĠ kellu wkoll jirrapporta fuq l-intervent tal-Ministru MEIB f’dan il-proċess.

Skont din it-talba, li kienet qed tagħmel referenza għal rappurtaġġ parlamentari u media oħra, deher li l-għażla tal-Kumitat Evalwattiv kienet mibdula mill-Ministru MEIB, li pubblikament iddikjara li kien biddel il-kriterji evalwattivi utilizzati mill-Kumitat inkarigat, u b’hekk dan irriżulta f’għażla ta’ ditta legali differenti minn dak oriġinarjament propost. Kien allegat ukoll li l-Ministru, konxju mill-fatt li ma setax iwettaq dan it-tibdil, irrikorra għal direct order. F’dan l-isfond, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika (NAO) investiga dawn l-allegazzjonijiet u identifika numru ta’ nuqqasijiet ippreżentati sussegwentement.

Il-Kumitat Evalwattiv ma kienx appuntat b’mod formali mill-MEIB, u lanqas ma kien provdut b’termini ta’ referenza dwar il-funzjonijiet u responsabbilitajiet li kellu jassumi. Fl-opinjoni tal-NAO, dawn in-nuqqasijiet ħolqu sens ta’ ambigwità li dehru ċar fl-istadji varji tal-proċess tal-għażla tad-ditta legali.

L-NAO jirrikonoxxi l-isforz inizjali tal-MEIB sabiex ifassal proċess ta’ għażla miftuħ u trasparenti, speċifikament f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kambjamenti li saru biex l-eliġibilità tkun aktar wiesgħa permezz tat-tneħħija tal-bżonn li ditti legali interessati jkollhom esperjenza preċedenti ta’ proċessi ta’ privatizzazzjoni. Dawn l-isforzi, li kieku twettqu, kienu jippromwovu governanza tajba. Madanakollu, it-tneħħija ta’ esperjenza preċedenti ħolqot il-bżonn ta’ mod ieħor kif se tiġi stabbilita l-kwalità tad-ditti legali interessati li jipprovdu dan is-servizz.

In-nuqqas tal-MEIB fil-forniment ta’ gwida dwar il-kriterji evalwattivi, minkejja d-diversi tentattivi tal-Kumitat Evalwattiv, ikkontribwixxa għad-diffikultajiet li sussegwentement inqalgħu. Din l-assistenza kienet tassew meħtieġa fil-kuntest tat-tibdil li sar f’rabta mal-kriterji ta’ eliġibilità.  L-NAO hu tal-opinjoni li t-talbiet li saru mill-membri tal-Kumitat Evalwattiv għall-għajnuna tal-Ministeru kienu f’posthom u ċertament jistħoqqilhom l-attenzjoni mitluba, li sfortunament ma ngħatatx. Min-naħa l-oħra, il-Kumitat Evalwattiv ukoll kellu n-nuqqasijiet tiegħu, fosthom, li ma pproponiex u ma użax kriterji dettaljati ħlief il-prezz tal-offerti tad-ditti legali. B’hekk, l-analiżi tal-Kumitat ma kinitx kompluta.

L-ordni tad-ditti legali li wasal għaliha l-Kumitat ma kinitx meqjusa aċċettabbli mill-MEIB minħabba r-raġunijiet diġà msemmija, u allura, proċess ta’ għażla ieħor kien imwettaq mill-Ministru MEIB u s-Segretarju Parlamentari MEIB. Fl-opinjoni tal-NAO, dan it-tieni proċess ta’ għażla naqqas mil-livell ta’ trasparenza mixtieq.  Kien impossibli għall-NAO biex jifhem b’mod ċar dan it-tieni proċess mid-dokumentazzjoni provduta, partikolarment kif kull ditta legali ġiet meqjusa f’termini tal-kriterji kwalitattivi - u allura, kif waslu għar-riżultat aħħari. Ir-relevanza ta’ din id-dokumentazzjoni tassumi importanza akbar meta wieħed jikkunsidra t-tibdil sostanzjali li kien hemm mill-għażla oriġinali li twettqet mill-Kumitat Evalwattiv.

L-NAO nnota li l-MEIB ma kellu ebda għażla oħra ħlief li jirrikorri għal direct order, minħabba l-fatt li ma sarx avviż fil-Gazzetta tal-Gvern għas-sejħa ta’ servizzi minn ditti legali.

Apparti dan ir-Rapport, l-NAO kien ukoll mitlub mill-Membri Parlamentari tan-naħa tal-Gvern fuq il-PAC biex jinvestiga l-mod kif kienu jingħataw direct orders għal servizzi legali mill-PU bejn l-2008 u l-2013. Din it-talba se tiġi trattata separatament u dan ir-Rapport għandu jitlesta fi żmien li ġej.

Dan ir-Rapport, mitlub mill-Membri Parlamentari tal-Oppożizzjoni fuq il-PAC, hu aċċessibbli minn www.nao.gov.mt.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow