PJATTAFORMA NAZZJONALI LI TIPPROMWOVI L-INTRAPRENDITORIJA FOST IN-NISA BI STRATEĠIJA KONTINWA, KONSISTENTI U KKORDINATA – IL-MINISTRU CHRIS CARDONA
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar Dr. Chris Cardona ħabbar li se tibda l-ħidma biex titwaqqaf pjattaforma nazzjonali li tippromwovi l-intraprenditorija fost in-nisa bi strateġija kontinwa, konsistenti u kkordinata. Il-Ministru Cardona kien qed jitkellem fil- Kunsill Konsultattiv tal-intrapriża, organizzat taħt il-patronċinju tas-Sinjura Michelle Muscat bit-tema “Female Entrepreneurship in Malta”.
“Irridu nħarsu lejn forma ta’ struttura li tippermetti li dan is-suġġett, jien ngħid din il-missjoni, ma tkunx waħda sporadika fejn minn żmien għal żmien issir xi kampanja jew inizjattiva. Pero jeħtieġ li dan l-isforz ikun wieħed kontinwu, konsistenti u kkordinat bejn l-istakeholders prinċipali” qal il-Ministru Chris Cardona.
Il-Ministru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar ħabbar li bħala parti minn din l-istrateġija se jkun maħtura numru ta’ ambaxxaturi li ġejjin minn sfondi differenti biex jippromwovu l-imprenditorija fost it-tfal u z-zgħazagħ tagħna u jassistuhom biex eventwalment jidħlu fid-dinja tal-imprendtorija.
Dan il-kunċett, qal il-Ministru Cardona, għal xi żmien diġa kien jeżisti f’pajjiżna izda kien ibbazat fuq program ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea u għalhekk kellu jitwaqqaf la darba spiċċa l-programm.
Dr.Chris Cardona qal li l-Gvern jagħraf li n-nisa huma sors ewlieni f’pajjiżna bi potenzjal kbir, inkluz fl-intraprenditorija, li sfortunatament mhux qiegħed ikun utilizat. “Għalina bħala Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar huwa kruċjali li naraw lil pajjiżna fl-iqsar żmien possibli jibda jimmassimizza l-potenzjal ekonomiku tiegħu biex ikollna tassew tkabbir ekonomiku reali u sostenibli” saħaq il-Ministru Cardona.
Il-Ministru Cardona sellem lil Ministru Marie Louise Coleiro Preca u ddeskriviha bħala persuna ta’ umilta’ kbira li mxiet bi passi ta’ ġgant fil-politika u li fi ftit jiem oħra se tkun qed isservi fl-għola kariga fil-pajjiż.
Is-Sinjura Michelle Muscat fl-intervent tagħha wkoll għamlet referenza għal fatt li pajjiżna se jkollu t-tieni President tar-Republika Mara fl-istorja tiegħu. Is-Sinjura Muscat semmiet id-diversi sfidi li għadhom qed jiffaċċaw in-nisa biex jidħlu fid-dinja tax-xogħol u l-ħidma li qed titwettaq mill-Gvern biex tkun indirizzata din is-sitwazzjoni, fosthom bil-politika ta’ Child Care centers mingħajr ħlas.
Il-Kunsill konsultattiv tal-Intrapriża, li huwa l-ewwel wieħed għal din is-sena, kien indirizzat ukoll mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Ekonomija, Investiment u Intrapriżi Żgħar is-Sinjura Paulanne Mamo.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en