L-U.E. MA TISTAX TINJORA L-IMPATT TAL-PROPOSTI TAGĦHA DWAR IT-TIBDIL TAL-KLIMA U L-ENERĠIJA FUQ KULL STAT MEMBRU
Waqt il-laqgħa tal-Kunsill tal-Ministri tal-Ambjent fi Brussel, il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, qal li l-Unjoni Ewropea ma tistax tinjora l-impatt tal-proposti tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-pakkett tat-Tibdil fil-Klima u l-Enerġija fuq kull Stat Membru.
Huwa saħaq li hemm bżonn linja ċara dwar kif se jiġu mkejla, min-naħa tal-Kummissjoni, il-qagħda speċifika ta’ kull stat membru kif ukoll il-limitazzjonijiet ekonomiċi, finanzjarji u anke ġeofiżici ta’ kull stat partikulari.
Il-Ministru Leo Brincat qal li dan japplika l-aktar għall-istruttura ta' governanza li qed tiġi proposta, li sal-lum għadha wisq vaga. Qal ukoll li qabel jibdew in-negozjati formalment, hemm bżonn ukoll qafas fejn jiġi mkejjel l-impatt li dawn l-miżuri jista’ jkollhom fuq il-kompetittività fl-Istati Membri.
Il-Minsitru Leo Brincat qal li biex dan iseħħ hemm bzonn aktar xogħol ta’ tħejjija fil-fond qabel tittieħed posizzjoni formali.
Il-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-arja nadifa fl-Ewropa
Dwar il-Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Arja Nadifa fl-Ewropa, il-Ministru Brincat qal li l-Gvern Malti jemmen bis-sħiħ f'arja nadifa għal kulħadd u jgħaraf id-dritt fundamentali għall-aċċess ta’ arja nadifa. F'dan il-kuntest il-Gvern Malti jilqa’ l-għanijiet ewlenin ta’ ‘l hekk imsejħa clean air package. Huwa ħeġġeġ biex il-miri jkunu ambizzjużi, iżda fl-istess waqt, ikunu miri prattiċi u prammatiċi.
Il-Ministru Brincat semma wkoll il-programm ambizzjż tal-Gvern Malti biex inaqqas l-emissjonijiet fis-settur tal-enerġija bil-qalba għall-gas naturali likwidu. Huwa qal li pajjiżna bħalissa qed jifli ukoll l-impatt tad-Direttiva li tolqot impjanti ta’ daqs medju f'pajjiżna (The Medium Combustion Plants Directive) kif ukoll il-limiti proposti.
Genitically Modified Organisms
Dwar il-GMOs (Genetically Modified Organisms) il-Ministru Brincat qal li minkejja li Malta għandha ċertu tħassib dwar is-sustanza tal-proposta tal-Unjoni Ewropea fuq dan is-suġġett, madanakollu taqbel li jkun hemm aktar diskussjonijiet tekniċi bil-għan li kull Stat Membru jkun jista’ jeżerċita d-dritt ċar u legali li jagħzel li ma jikkultivax prodotti tar-raba’ simili f' pajjiżu.
Il-Ħarsien tal-Ħamrija
Il-Ministru Brincat dwar il-Ħarsien tal-Ħamrija qal, li filwaqt li Malta tagħraf il-ħtieġa li l-ħamrija ta' pajjiżna għandha tiġi mħarsa u mmaniġġjata b'mod sostenibbli, il-Gvern Malti jkompli jsostni li ma jaqbilx mad-direttiva proposta xi snin ilu mill-Unjoni Ewropea għax ma tħarisx b'mod xieraq il-ħarsien tal-ħamrija fuq livell Ewropew.
Huwa ħeġġeġ biex ikun hemm bdil aħjar ta' ideat dwar prattiċi tajbin u l-iżvilupp ta' linji gwida fuq livell tal-Unjoni Ewropea nnifisha. Il-Ministru Leo Brincat saħaq li direttiva ġdida tkun tagħmel sens biss jekk tqis il-qagħda u d-diversità ta’ kull Stat Membru filwaqt li tkun ibbażata fuq il-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità.
Matul il-laqgħat li kellu, il-Ministru Brincat iltaqa’ ma’ diversi Ministri tal-Ambjent Ewropej fosthom il-Ministru l-ġdid tal-Ġermanja Barbara Hendricks u l-Ministru l-ġdid Taljan Gianluca Galletti. Il-Ministru Brincat iltaqa’ ukoll mal-Kummissarju Malti Ewropew Tonio Borg.
Ritratt: Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, flimkien mal-Ministru għall-Ambjent ġdid Taljan, Gianluca Galletti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en