DIN IL-ĠIMGĦA L-GVERN SE JRESSAQ QUDDIEM IL-PARLAMENT L-EWWEL QARI QARI TA’ ABBOZZ TA’ LIĠI LI PERMEZZ TAGĦHA SE TKUN RATIFIKATA L-KONVENZJONI TA’ ISTANBUL
Nhar l-Erbgħa li ġej, il-Gvern se jressaq quddiem il-Parlament l-ewwel qari ta’ abbozz ta’ liġi li permezz tagħha se tkun ratifikata l-Konvenzjoni ta’ Istanbul. Din il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa titratta l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika. Dan qalitu l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Dott. Helena Dalli, waqt konferenza pubblika dwar is-sehem tal-mara fis-soċjetà, organizzata mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE).
Dott. Dalli qalet li din il-Konvenzjoni hija mibnija fuq il-premessa li l-vjolenza kontra n-nisa ma tistax tingħeleb mingħajr investiment fl-ugwaljanza bejn is-sessi. Hija fakkret fit-tema tan-Nazzjonijiet Uniti għal din is-sena – ‘Ugwaljanza għan-nisa hija progress għalina lkoll’ – li tirrijafferma li ma jistax ikollna ugwaljanza jekk ma nirrikonoxxux il-fatt li l-vjolenza kontra n-nisa taffettwa bosta sorsi ta’ inugwaljanza.
Il-Ministru Dalli qalet li meta fis-snin disgħin hija kienet fil-kariga ta’ Segretarju Parlamentari responsabbli mill-ugwaljanza, hi kienet ressqet white paper dwar l-introduzzjoni ta’ ligi kontra l-violenza domestika. Minn dakinhar saru diversi żviluppi, iżda huwa importanti li issa nibqgħu nibnu fuq it-tajjeb li diġà sar.
Relatat ma’ dan, il-Ministru Dalli ħabbret ukoll li din il-ġimgħa hi se tkun qed tindirizza konferenza tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem u li matulha se jkun varat studju li għamlu fejn kienu intervistati 42,000 mara fl-Istati Membri kollha. Dan l-istudju se jkun qed juri kemm il-vjolenza bbażata fuq is-sessi taffetwa sproporzjonalment lin-nisa, u kemm din il-problema hija mifruxa fl-Ewropa.
Il-Ministru Dalli tkellmet ukoll dwar in-nuqqas ta’ użu effettiv tal-investiment kbir li jsir fl-edukazzjoni tan-nisa. Dott. Dalli qalet li filwaqt li fl-edukazzjoni u t-taħriġ, l-għadd ta’ studenti nisa huwa akbar minn dak tal-irġiel, fid-dinja tax-xogħol Malta għad għandha t-tieni l-anqas rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fl-Unjoni Ewropea kollha, bi ftit aktar minn 44% tan-nisa huma f’impjieg.
Il-Ministru Dalli semmiet diversi inizjattivi li qed jieħu l-Gvern biex tkun indirizzata l-problema biex il-ġenituri jsibu bilanċ aħjar bejn ir-responsabbiltajiet tal-familja u tax-xogħol.
Semmiet kif waħda mill-ewwel deċiżjonijiet tagħha bħala Ministru kienet li tissaħħaħ il-policy biex il-ġenituri jkollhom aċċess aħjar għal miżuri favur il-familja fi ħdan is-Servizz Pubbliku.
Dott. Dalli qalet li, kif wiegħed qabel l-elezzjoni, il-Gvern se jintroduċi servizz ta’ childcare mingħajr ħlas għat-tfal ta’ ġenituri li jaħdmu u dawk li qed jistudjaw. Din il-miżura se tibda taħdem mix-xahar id-dieħel u l-Gvern investa €3.8 miljun f’dan il-proġett.
Bl-istess għan, il-Gvern se jkun qed jestendi l-programmi edukattivi wara l-ħin tal-iskola u jintroduċi program qabel il-ħin tal-iskola bl-istess għan.
Il-Gvern ukoll qed ikompli jnaqqas it-taxxa għall-ġenituri li jibagħtu lill-uliedhom f’childcare centre bi ħlas.
Il-Ministru Dalli qalet l-inizjattivi tal-Gvern waħedhom m’humiex biżżejjed. Irid isir aktar investiment fit-tagħlim u fl-edukazzjoni biex is-soċjetà taġġorna l-mentalità għar-realtajiet li qed ngħixu fihom.
Hi qalet li dawk li jinvestu u jimpjegaw in-nies f’pajjiżna wkoll għandhom ir-rwol importanti biex jingħata l-appoġġ meħtieġ lin-nisa fuq il-post tax-xogħol biex ikomplu javvanzaw fil-karriera tagħhom.
L-employers iridu jgħarfu li huwa wkoll fl-interess tagħhom li jofru miżuri favur il-familja. Is-serħan il-moħħ tal-impjegati b’responsabbiltajiet familjari fuq il-post tax-xogħol tissarraf f’performance u f’output aħjar minn naħa tal-impjegati.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en