MALTA FUQ QUDDIEM DWAR INIZJATTIVI MARITTIMI FIL-MEDITERRAN
Pajjiżna jinsab fuq quddiem fejn jidħlu inizjattivi marittimi marbuta mar-Reġjun tal-Mediterran. Dan qalu l-Ministru tal-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima Leo Brincat meta dalgħodu indirizza Konferenza Ewropea dwar l-Ambjent Marittimu (HOPE) organizzata mill-Presidenza Griega tal UE fi Brussels.
Il-Ministru Brincat qal, li filwaqt li Malta tinsab imħassba li ħafna sforzi qegħdin isiru f'mod frammentat, hemm bżonn li ċertu duplikazzjoni ta’ xogħol jiġi eliminat.
Il-Ministru Leo Brincat qal li biex politika bħal din tkun pro-attiva u tagħti r-riżultati mixtieqa hemm bżonn li jiġu involuti l-istakeholders kollha fir-reġjun Dan jinkludi l-involviment tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea infushom kif ukoll dak ta’ pajjiżi terzi.
Il-Ministru Leo Brincat qal li f'kuntest Mediterranju hemm bżonn partnerships dinamiċi mal-pajjiżi ġirien tal-Afrika ta' Fuq kif ukoll tal-Lvant Nofsani. Dan sabiex jintlaħqu l-għanijiet komuni b’mod aktar effettiv.
Il-Ministru Brincat tenna li pajjiżna minbarra illi għaraf ir-rwol importanti tal-Konvenzjonijiet dwar il-Baħar u qed jieħu sehem attiv dwar l-eko-sistemi fi ħdan il-Konvenzjoni ta' Barċelona, bħalissa qed jirrevedi l-Istrateġija tal-Mediterran għall-Iżvilupp Sostenibbli.
Id-dimensjoni ambjentali ma tistax tiġi kkunsidrata b’mod iżolat. Jekk isir hekk, wieħed ikun qed jiżola ruħu minn kwistjonijiet importanti marbuta mal-qasam marittimu bħal dawk tas-sigurtà, ta’ ġurisdizzjoni u riċeka fost oħrajn. Huwa f'dan il-kuntest li pajjiżna waqqaf Kumitat Inter-Ministerjali sabiex ikollu Politika Marittima integrata tenna l-Ministru Brincat.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima saħaq li wara li pajjiżna bagħat it-tagħrif kollu meħtieġ, bħalissa qed issir analiżi mill-ġdid tal-qafas tad-Direttiva dwar l-Istrateġija Marittima (Marine Strategy Framework Directive). Mill-aspett ambjentali l-implimentazzjoni ta' din id-direttiva għandha ssaħħaħ l-istatus ambjentali tal-ibħra tagħna, u tistabbilixxi miri xierqa għall-ibħra Maltin u ta' madwarhom temm jgħid il-Ministru Leo Brincat.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en