IL-MINISTRU HELENA DALLI TINDIRIZZA L-KONFERENZA ‘IL-MUDELL SOĊJALI EWROPEW FIŻ-ŻMINIJIET TA' KRIŻI EKONOMIKA U POLITIKI TA’ AWSTERITÀ ORGANIZZATA MILL-ORGANIZZAZZJONI INTERNAZZJONALI TAX-XOGĦOL F'KOOPERAZZJONI MAL-KUMMISSJONI EWROPEA
Il-Ministru għall-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Helena Dalli, indirizzat konferenza dwar il-mudell soċjali Ewropew fi żminijiet ta' kriżi ekonomika u politiki ta’ awsterità, li kienet organizzata mill-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).
Dott. Dalli enfasizzat li filwaqt li l-Istati Membri tabilħaqq jaqsmu valuri u karatteristiċi komuni, m'hemm l-ebda mudell soċjali Ewropew ideali wieħed li jindirizza l-bżonnijiet u l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini kollha tal-UE.
Għalhekk, filwaqt li wieħed jista' jifhem li s-sistemi ta' protezzjoni soċjali għandhom ikunu aktar b'saħħithom madwar l-UE biex jintlaħqu l-esiġenzi attwali u futuri, id-disinn ta' dawn is-sistemi għandhom jibqgħu taħt ir-responsabbiltà sħiħa tal-Gvernijiet nazzjonali.
Il-kriżi wriet id-differenzi intrinsiċi bejn il-mudelli soċjali tal-Istati Membri differenti, li esponew kemm is-saħħiet, kif ukoll id-dgħjufijiet tagħhom fil-proċess. Dawn id-differenzi u l-ispeċifiċitajiet misjuba fl-Istati Membri kienu tabilħaqq sors ta' saħħa għall-Unjoni, billi din provdiet soluzzjonijiet differenti għall-isfidi varji li ġabet magħha l-kriżi.
Il-Ministru saħaq li l-ħtieġa li jinżamm livell għoli ta' protezzjoni soċjali madwar l-UE ma tistax tiġi sottovalutata b'mod partikolari fi żmien meta l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi huma viżibbli u huma esperjenzi reali tan-nies. Fil-fatt, Malta dejjem laqgħet il-fehma li l-iżbilanċi soċjali għandhom jiġu evitati. Sabiex tagħmel dan, Malta tirrikonoxxi wkoll l-importanza li tipproteġi s-sistemi ta' protezzjoni soċjali li hemm fis-seħħ sabiex dawn ikomplu jissodisfaw ir-rwol tal-istabbilizzaturi soċjali, b'mod partikolari favur dawk li huma l-aktar vulnerabbli u fil-bżonn.
Apparti mill-impatt ta' restrizzjonijiet baġitarji li jirriżultaw mill-kriżi finanzjarja, il-mudell soċjali Ewropew huwa wkoll ikkontestat minħabba t-tendenzi demografiċi u l-globalizzazzjoni. Għalhekk, il-Ministru Dalli laqgħet l-ambitu tal-konferenza tal-ILO li kienet intenzjonata biex tivvaluta l-impatt ta' dawn ix-xejriet dwar ir-riforma tal-politika soċjali, b'mod partikolari fir-rigward tal-pilastri ewlenin u l-elementi tal-mudell soċjali Ewropew.
Il-Ministru Dalli tkellmet dwar l-importanza tad-djalogu soċjali u li jkun hemm impenn tal-gvern li l-imsieħba soċjali għandhom ikunu parti integrali mid-deċiżjonijiet ewlenija li jirrigwardaw kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en