STQARRIJA KONĠUNTA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETÀ SOĊJALI U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA
Ġustizzja soċjali ma’ vittmi t’abbuż sesswali
Is-Sibt filgħodu, il-Ministru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Marie Louise Coleiro Preca flimkien mal-Ministru għas-Saħħa Godfrey Farrugia nedew is-Sexual Assault Response Team, SART.
B’hekk, mil-lum se jibda jiġi offrut servizz ħolistiku taħt saqaf wieħed lill-vittmi t’abbuz sesswali.
Dan is-servizz se jkun offrut minn tim ta’ professjonisti li jkunu on-call u li se jkunu qed joperaw mill-Uffiċċju tas-SART fl-Isptar Mater Dei.
Is-servizzi jinkludu dak ta’ tabib, infermier, social worker, pulizija, psikologu u counsellor.
Il-Ministru Marie-Louise Coleiro Preca spjegat kif it-twaqqif tas-SART sar wara li l-Gvern ivvota s-somma ta’ €40,000 permezz ta’ public-social partnership mal-għaqda mhux governattiva Victim Support Malta.
Il-Ministru Coleiro Preca qalet li qabel, il-vittmi t’abbuż sesswali kienu jingħataw servizz mingħand diversi professjonisti li joperaw minn bnadi differenti. Dan kien jikkawża sitwazzjoni pjuttost diffiċli għall-vittma. Għalhekk li l-Gvern iddeċieda li jidħol f’public-social partnership ma’ din l-NGO, li se tkun qed toffri wkoll taħriġ lill-professjonisti.
Il-Ministru spjegat li l-vittma tista’ tibqa’ iċċempel jew fuq is-supportline 179 jew inkella tirrikorri għand l-Għasses tal-Pulizija f’kaz t’abbuż sesswali fejn dawn jirreferu lill-vittma lis-SART.
Fl-intervent tiegħu, il-Ministru għas-Saħħa, Dr Godfrey Farrugia qal li t-twaqqif tas-SART huwa abbinat mal-istrateġija tal-qasam tas-saħħa, s-Sexual Health Strategy. Qal li strateġija bħal din iħares lejha wkoll bħala d-dritt uman, fejn il-persuna għandha d-dritt li tesprimi l-orjentazzjoni sesswali tagħha, imma wkoll tkun ħielsa mill-abbuż.
Il-Ministru Farrugia kompla jgħid li bit-twaqqif tas-SART, qed issir ġustizzja soċjali ma’ vittmi li qabel kienu jirċievu kura frammentata. “Il-kura ħolistika hija mportanti, b’mod partikolari f’din l-istrateġija”. Hu żied li m’hemmx dubju li s-SART se jindirizza rokna speċjalizzata li kien jinħass ħafna l-bżonn tagħha.
Il-Ministru għas-Saħħa enfasizza wkoll li hemm bżonn ikun hemm ukoll aktar għarfien dwar sexual harrassment fuq il-postijiet tax-xogħol, bħal f’postijiet oħra li forsi ma tantx jissemmew. Huwa rringrazzja l-impenn ta’ dawk kollha involuti, fosthom l-NGOs u wkoll il-health care professionals fl-Isptar Mater Dei, li se jospita s-SART.
Il-public-social partnership gie ffirmat mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali Mark Musu u mit-Teżorier ta’ Victim Support Malta Andrea Agius.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en