Left arrow Mur Lura

IL-PRESIDENT TAL-KUMITAT PERMANENTI DWAR L-AFFARIJIET EKONOMIĊI U FINANZJARJI JILTAQA’ MAL-PRESIDENT U MAD-DIRETTUR ĠENERALI TAL-KAMRA TAL-KUMMERĊ, INTRAPRIŻA U INDUSTRIJA

pr140368
Date Icon 28/02/2014

Nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Frar 2014, Silvio Schembri, President tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, iltaqa’ mas-Sur David G. Curmi, President, u mas-Sur Kevin J. Borg, Direttur Ġenerali tal-Kamra tal-Kummerċ, Intrapriża u Industrija ta’ Malta.

L-għan tal-laqgħa kien li l-President tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji jkompli jiġbor il-veduti tad-diversi setturi dwar ir-rati ta’ mgħax applikabbli lokalment. Il-Kumitat beda jistħarreġ is-suġġett tar-rati tal-imgħax mitluba mill-banek f’Malta f’laqgħa mal-Gvernatur tal-Bank Ċentrali fil-bidu ta’ din is-sena. Schembri spjega li wara li jkunu kkonsultati r-rappreżentanti tad-diversi setturi milquta, il-ħsieb hu li l-Kumitat jorganizza seminar ta’ nofstanhar fejn hemmhekk ikun hemm ukoll rappreżentanti tal-banek Maltin li jkunu jistgħu jagħtu l-pożizzjoni tagħhom.

Matul id-diskussjoni, ir-rappreżentanti tal-Kamra saħqu li dan kien suġġett kumpless ħafna u li wieħed kellu jżomm quddiem għajnejh li Malta rnexxielha tegħleb l-agħar effetti tar-riċessjoni mondjali għax kellha settur finanzjarju u banek b’saħħithom.  Ġie spjegat li l-mudell ta’ kif jaħdmu l-banek Maltin kien differenti minn pajjiżi oħra għax f’Malta l-banek jissellfu l-aktar mingħand id-depożitaturi tagħhom u mhux mill-Bank Ċentrali Ewropew. 

Mistoqsija minn Silvio Schembri jekk in-nuqqas ta’ domanda għal self kummerċjali hix marbuta mar-rati tal-imgħax, il-Kamra qalet li fil-passat, bl-istess rati, kien hemm domanda akbar għal self min-negozji Maltin.  Għaldaqstant, jistgħu jkunu raġunijiet oħra li qegħdin iwasslu għal domanda anqas għal self.  Ġie spjegat li l-kunfidenza tal-investitur fil-manifattura bħalissa qeda titbaxxa minħabba spejjeż għoljin tal-produzzjoni speċjalment ir-rati għolja tal-enerġija, li huma t-tielet l-aktar għoljin fl-Ewropa.  Ma’ dawn wieħed jista’ jżid spejjeż għoljin oħra bħalma huma dawk marbutin mat-trasport u s-salarji li qed jogħlew b’rati aktar mgħaġġla mill-produttività. 

Fis-settur tal-importazzjoni u d-distribuzzjoni, min-naħa l-oħra, il-Kamra qalet li s-sentiment tal-membri tagħha huwa affettwat minn sitwazzjoni ta’ kompetizzjoni żleali bejnhom u operaturi oħra li ma jobdu l-ebda regola tan-negozju fil-pajjiż inklużi dawk fiskali, ambjentali u dawk li jħarsu l-konsumatur.  Dan iseħħ għax fil-pajjiż ma teżistix entità waħda li hija responsabbli mis-sorveljanza tas-suq u li għandha l-poteri kollha eżekuttivi meħtieġa biex tħares il-konsumatur u l-kompetizzjoni leali fis-suq Malti.

Mingħajr kunfidenza u sentiment għoli fost in-negozjanti Maltin, il-Kamra tibża’ li d-domanda għal self kummerċjali jista’ jibqa’ fuq livell baxx b’konsegwenzi fuq l-andament ekonomiku tal-pajjiż.

Għalhekk, fi tmiem il-laqgħa, ntlaħaq qbil illi rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ jagħmlu preżentazzjoni lill-Kumitat dwar l-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji dwar xi proposti għandhom dwar is-sorveljanza tas-suq.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow