POŻIZZJONI KORRETTA F’ĊIRKOSTANZI TA’ NATURA ISTITUZZJONALI
Il-pożizzjoni li ħa l-Gvern fuq il-każ tal-impeachment tal-Imħallef Lino Farrugia Sacco hija l-pożizzjoni korretta u xierqa u jappella lill-Oppożizzjoni għall-maturita’ biex f’ċirkostanzi ta’ natura istituzzjonali bħal dawn, li jolqtu s-sistema tal-ġustizzja ta’ pajjiżna, ma tkomplix iddawwar il-kwistjoni f’ballun politiku.
Il-Gvern diġa’ ddikjara b’mod ċar u ripetut li jemmen li l-Parlament għandu kull poter li jibqa’ għaddej bil-mozzjoni ta’ impeachment imressqa mill-Prim Ministru Joseph Muscat u għalhekk m’hu minnu xejn li dan il-każ jistabilixxi preċedent li jillimita l-poter tal-Kamra f’każijiet ta’ impeachment. Biss,il-Gvern jemmen ukoll li l-prudenza f’dan il-każ, u f’kull każ ieħor fejn xi ħadd – hu min hu - jallega li qed jinkisrulu d-drittijiet fundamentali tiegħu, għandha tirbaħ fuq il-konsiderazzjonijiet purament politiċi u partiġġjani.
Il-Gvern ifakkar li kemm l-Imħallef Emeritu Giovanni Bonello, li serva fuq il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, u kif ukoll id-Dekan tal-Fakulta’ tal-Liġi pubblikament sostnew li l-Parlament fi spirtu ta’ prudenza għandu jistenna d-deċiżjoni tal-Qorti Kostituzzjonali qabel ma jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu. Il-Gvern mexa ma’ dan il-parir siewi.
Il-Gvern jawgura wkoll li l-proċeduri Kostituzzjonali jintemmu fi żmien raġonevolment qasir skont ma hu mistenni fil-liġijiet ta’ pajjiżna.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en