PJAN TA' AZZJONI KONTRA T-TNIĠĠIŻ TAL-ARJA
Il-Ministru ghall-Izvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat ħabbar li matul din is-sena l-Gvern Malti ser ikun qed ifassal u jħaddem Pjan ta' Azzjoni kontra t-tniġġiz tal-arja. Dan ħabbru wara taħdidiet li kellu fi ħdan il-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima mal-Professur Hans Emiel Aloysius Bruyninckx id-Direttur Eżekuttiv tal-EEA (European Environment Agency) u Barbara Clark li hi l-kap tal-EIONET (European Environment Information and Observation Network).
Il-Ministru Brincat fisser kif il-proċess ta’ tfassil u tħaddim ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni se jibda la darba titwaqqaf l-Awtorita' dwar l-Ambjent u r-Riżorsi.
Dwar il-qasma tal-MEPA l-Ministru Brincat qal li x-xogħol jinsab fi stat avvanzat, u li ser issir konsultazzjoni pubblika xierqa dwar dan. Il-Ministru Brincat qal li l-Gvern huwa impenjat li jwettaq dak kollu mwiegħed fil-programm elettorali tiegħu li jsaħħaħ l-ambjent għall-kwalita' ta' ħajja aħjar fost iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin.
Il-Ministru Leo Brincat ħabbar li l-Gvern Malti bħalissa jinsab impenjat jiffinalizza Memorandum of Understanding mal-Gvern Taljan dwar ko-operazzjoni fil-qasam tat-tniġġiz tal-arja, u mistenni jibgħat tim tekniku l-Ġermanja fuq stedina tal-Gvern Ġermaniż innifsu wara żjara li kienet saret f'pajjiżna minn espert ewlieni tal-Gvern Ġermaniż dwar il-kwalita' tal-arja.
Il-Ministru Leo Brincat qal li fil-qasam tal-immaniġġjar tal-iskart il-Gvern mhux biss ħejja pjan u strateġija dwar l-immaniġġjar tal-iskart, u pjan ieħor dwar it-tnaqqis tal-iskart wara konsultazzjoni pubblika intensiva, iżda għamel dan wara li sar SEA – Strategic Environmental Assessment.
Huwa qal li għalkemm il-pjan ser ikun soġġett għal revizjoni kull tlett snin sabiex jaġġorna ruħu skont il-ħtiġijiet attwali kemm lokali kif ukoll Ewropej, fil-bidu tax-xahar d-dieħel ser ikun qed jitwaqqaf stakeholders' group ħalli jkun hemm moniteraġġ tat-tħaddim tal-pjan innifsu.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en