€1.7 MILJUN F’FONDI MILL-U.E. GĦAL ŻEWĠ PROĠETTI FIL-QASAM SPORTIV
Filwaqt li l-Kunsill Malti għall-Isport qatt ma bbenefika minn fondi tal-Unjoni Ewropea, din is-sena se jitwettqu żewġ proġetti ffinanzjati minn fondi tal-U.E. b’valur ta’ €1.7 miljun. Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għar-Riċerka, Innovazzjoni, Żgħażagħ u Sport, Stefan Buontempo waqt is-sessjoni ta’ informazzjoni organizzata bejn is-Segretarjat Parlamentari u l-MEUSAC. Il-Proġetti li mistennija jsiru jinvolvu it-tisħin tal-pixxina nazzjonali u l-ieħor dwar investiment fir-riżorsi umani fejn se jitħarrġu mal-mitt individwu fl-amministrazzjoni sportiva.
Dr Buontempo kompla jgħid li din is-sessjoni ta’ informazzjoni hija intiża biex l-għaqdiet sportivi Maltin jaħtfu l-opportunitajiet li jeżistu fil-programm Erasmus+ Sports fejn hemm allokat mal-€265 miljun. Il-Gvern irid li l-isports jinżel fil-komunità u għalhekk ser ikun qed jgħin lill-għaqdiet sportivi jimmassimizzaw l-opportunitajiet li jeżistu f’dan il-qasam.
Fl-introduzzjoni tal-laqgħa ta informazzjoni, il-Kap tal-MEUSAC, Dott Vanni Xuereb qal li fid-dawl tal-Istrateġija, ‘Ewropa 2020’, Il-Kummissjoni Ewropea identifikat l-oqsma taż-Żgħażagħ u l-Isports bħala tnejn mill-fatturi ewlenin sabiex tkun tista’ tiġi megħluba l-kriżi soċjo-ekonomika li l-pajjiżi Ewropej għaddew minnha tul dawn l-aħħar snin.
Dott Xuereb qal li bħala Kap tal-MEUSAC iħossu kburi li matul dawn l-aħħar snin il-MEUSAC għin biex għadd kbir ta’ NGOs jakkwistaw iktar minn €6.3 miljun f’fondi mill-UE biex iwettqu proġetti siewja għall-membri tagħhom.
Din il-laqgħa ta’ informazzjoni għal għaqdiet u entitajiet sportivi saret biex tingħata aktar informazzjoni dwar il-programm ta’ finanzjament Erasmus+, b’attenzjoni partikolari fuq kif dan il-programm jolqot l-oqsma taż-żgħażagħ u l-isport.
Erasmus+ huwa l-programm il-ġdid tal-Unjoni Ewropea (UE) għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isports. Dan il-programm ta’ fondi għandu jservi bħala mekkaniżmu li permezz tiegħu wieħed jista’ jtejjeb il-ħiliet u l-impjegabbiltà tiegħu permezz ta’ sistemi tal-edukazzjoni u taħriġ iktar moderni, b’enfasi partikolari fuq iż-żgħażagħ.
Il-programm għall-perjodu 2014 – 2020 ser ikollu baġit ta’ €14.7 biljun, u permezz tiegħu aktar minn 4 miljun persuna ser jirċievu xi forma ta’ appoġġ sabiex jistudjaw, jitħarrġu, jaħdmu jew jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżhom.
Għall-ewwel darba, il-programm ERASMUS+ jinkludi fih allokazzjoni speċifika għall-isport, fejn €265 miljun fuq medda ta’ seba’ snin se jintużaw sabiex jingħelbu sfidi bħad-doping u l-korruzzjoni fil-logħob.
Il-programm se jappoġġa wkoll proġetti transnazzjonali li jinvolvu organizzazzjonijiet sportivi fil-livell lokali, u fost l-oħrajn iħeġġeġ il-governanza tajba, l-inklużjoni soċjali, il-karrieri doppji u l-attività fiżika għal kulħadd.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en