IMNIEDI L-PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI DWAR IL-QAFAS TAD-DRITTIJIET TAL-BNEDMIN F’MALTA
Il-Ministeru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili nieda proċess ta’ konsultazzjoni dwar il-qafas tad-drittijiet tal-bnedmin f’Malta.
Il-Ministru Helena Dalli qalet li “l-Gvern Malti ġie elett bil-wiegħda li jsaħħaħ il-qafas tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza, u għaldaqstant huwa d-dover tagħna li nwaqqfu mekkaniżmu istituzzjonali adekwat li jinfurzah.”
Għaxar snin ilu, twaqqfet il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza (NCPE) wara l-adozzjoni tal-Att dwar l-Ugwaljanza għall-Irġiel u n-Nisa li implementa l-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-qafas legali Malti.
Maż-żmien il-mandat tal-NCPE twessa’ grazzi għall-emendi li saru fl-istess Att. Fost it-titjib li sar, kien hemm iż-żieda ta’ numru ta’ bażijiet ta’ anti-diskriminazzjoni. Madankollu, minkejja li sar dan it-titjib, għad fadal ħafna xi jsir f’dan ir-rigward. Aktar minn hekk, ir-riżorsi u l-poteri tal-Kummissjoni baqgħu limitati, u dan naqqas l-impatt tal-istess kummissjoni.
Il-Gvern jemmen li l-qafas leġislattiv u infrastrutturali għandhom bżonn li jiġu rinforzati, għaliex qegħdin jonqsu milli jipprovdu lill-pajjiż bil-qafas tad-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza li jistħoqqlu. Nemmnu li f’pajjiżna għandu jkollna qafas b’saħħtu ta’ drittijiet tal-bniedem u liġijiet ta’ ugwaljanza, kif ukoll istituzzjoni b’saħħitha li tinforza l-liġijiet addottati. Din l-istituzzjoni għandha tkun konformi kemm mal-mudell tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-istituzzjoni nazzjonali għad-drittijiet umani (NHRI) skont il-Prinċipji ta’ Pariġi, kif ukoll il-mudell ta’ organiżmi għall-ħarsien tal-ugwaljanza tal-Unjoni Ewropea skont id-direttivi dwar l-ugwaljanza, speċifikament id-Direttiva dwar l-Ugwaljanza Razzjali, id-Direttiva dwar Aċċess għal Merkanzija u Servizzi fuq bażi tal-Ġeneru u d-Direttiva (Tfassil mill-Ġdid) tal-Ġeneru.
Fl-isfond ta’ dan kollu l-Gvern qiegħed iniedi din il-konsultazzjoni pubblika bil-għan li jisma’ l-opinjonijiet u s-suġġerimenti tal-pubbliku inġenerali, għaqdiet tas-soċjeta` ċivili, korpi kostitwiti, partiti politiċi, istituzzjonijiet tal-gvern u entitajiet oħra li jixtiequ li jagħtu l-kontribut tagħhom f’dan il-proċess.
Id-dokument ta’ konsultazzjoni huwa aċċessibli fuq is-sit tal-Ministeru www.msdc.gov.mt/hssumanrights. Is-sottomissjonijiet jistgħu jintbagħtu b’imejl fuq humanrights.msdc@gov.mt, bil-posta lil ‘Konsultazzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bnedmin u l-Ugwaljanza’, Ministeru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Xatt il-Barriera, il-Belt Valletta, jew permezz tal-istess sit.
Is-sottomissjonijiet għandhom jaslu sal-Ġimgħa 28 ta’ Marzu 2014.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en