Left arrow Mur Lura

LAQGĦA TAL-CORE GROUP TAL-MEUSAC DWAR IL-PREPARAMENTI U L-PRIJORITAJIET TAL-PRESIDENZA MALTIJA TAL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA FL-2017

pr140338
Date Icon 26/02/2014

Dalgħodu ltaqa’ l-Core Group tal-MEUSAC fejn matulu ġie diskuss ix-xogħol li qed isir mill-Gvern Malti bi tħejjija għall-Presidenza Maltija tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea fl-2017.  Għal din il-laqgħa attendew il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, l-Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili, Helena Dalli, u s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza tal-UE 2017 u għall-Fondi Ewropej, Ian Borg.

Il-Ministru Dalli qalet li l-istruttura tal-Core Group tal-MEUSAC hija ideali fejn issir diskussjoni bejn il-Gvern u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili u l-imsieħba soċjali dwar il-preparamenti li qed isiru rigward il-Presidenza Maltija.

Dr Dalli qalet li l-imsieħba soċjali u r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili issa għandhom l-opportunità fejn ikunu aġġornati b’mod regolari bil-preparamenti li qed isiru u biex jiddiskutu l-prijoritajiet tal-aġenda tal-Presidenza. 

Il-Ministru Dalli ħabbret li s-Sur Victor Camilleri u s-Sur Paul Mifsud, Direttur Eżekuttiv (Programmi u Taħriġ) u Koordinatur tal-Loġistika rispettivament, se jkunu mistiedna għal kull laqgħa tal-Core Group sabiex il-proċess ta’ konsultazzjoni li nbeda llum ikun wieħed kontinwu.

Is-Segretarju Parlamentari Borg qal li l-Core Group tal-MEUSAC huwa il-forum ideali biex jiġu diskussi materji relatati mal-preparamenti meħtieġa għall-Presidenza tal-Kunsill Ewropew meta niġu sabiex nisimgħu lis-soċjetà ċivili.  Huwa saħaq ukoll fuq l-importanza li nassiguraw li kulħadd ikollu iċ-ċans li jikkontribwixxi f’dan il-proċess ta’ konsultazzjoni.

Dr Borg qal li l-Gvern ser jassigura li l-preparamenti meħtieġa jsiru b’mod bi-partisan.  Fil-fatt huwa kkonferma li diġà bdew id-diskussjonijiet mal-kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Presidenza, Antoine Borg, u fil-jiem u xhur li ġejjin dawn id-diskussjonijiet ħa jkomplu jintensifikaw anki ma’ membri oħra tal-Oppożizzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari Borg qal ukoll li fl-aħħar ta’ Marzu, ġewwa Bratislava, sejra ssir l-ewwel laqgħa formali tat-Trio li bejn l-1 ta’ Jannar 2016 u t-30 ta’ Ġunju 2017 ħa jkunu qed jippresjedu fuq il-Kunsill Ewropew.  Din il-laqgħa se sservi sabiex Malta, l-Olanda u s-Slovakkja jibdew it-tħejijiet sabiex jidentifikaw il-prijoritajiet li fuqhom jixtiequ li l-Presidenza tiffoka, filwaqt li jiġi mfassal programm ta’ ħidma.

Il-Kap tal-MEUSAC, Dr Vanni Xuereb qal li l-Core Group tal-MEUSAC hu l-forum fejn il-Gvern jiddiskuti mal-korpi kostitwiti u mas-soċjetà ċivili u jżommhom aġġornati dwar ix-xogħol li qed isir bi tħejjija għall-Presidenza Maltija.

Is-Sur Victor Camilleri spjega kif ix-xogħol tal-Presidenza jinkludi r-responsabilità tal-laqgħat li fihom jittieħdu d-deċiżjonijiet leġiżlattivi u l-proċess sakemm dawn jgħaddu mill-Kummissjoni Ewropea għall-Kunsill tal-UE, il-preparazzjoni ta’ programm ta’ xogħol għaż-żmien tal-Presidenza f’kollaborazzjoni maż-żewġ Stati Membri li se jkollhom il-Presidenza qabel dik ta’ Malta - l-Olanda u s-Slovakkja - u li flimkien jiffurmaw l-hekk imsejjaħ Trio tal-Presidenza, il-laqgħat informali tal-Kunsill li jsiru f’Malta waqt il-Presidenza, u attivitajiet oħra li jsiru f’Malta fosthom dawk kulturali.

Huwa qal li f’dan kollu l-Presidenza Maltija trid tmexxi ’l quddiem il-prijoritajiet tal-UE, iżda fl-istess ħin trid issib mod kif tippromwovi l-prijoritajiet ta’ Malta.

Is-Sur Paul Mifsud, li huwa responsabbli mit-tħejjijiet loġistiċi, qal li aspett importanti ħafna tal-Presidenza se jkun kemm Malta jirnexxilha tagħmel suċċess minnha b’mod li jkun ekonomikament sostenibbli, u spjega kif Malta se taħdem biex iżżomm l-ispejjeż kemm jista’ jkun baxxi.

Waqt id-diskussjoni mal-Membri tal-Core Group ġew diskussi diversi punti interessanti, fosthom il-koperazzjoni bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex il-Presidenza tkun suċċess, il-parteċipazzjoni diretta tal-membri tal-komunità kummerċjali, l-importanza li Malta timbotta l-interessi tal-intrapriżi ż-żgħar fl-UE, il-legat li għandha tħalli l-Presidenza u l-pożizzjoni ta’ Malta fl-UE wara l-2017, is-sehem ta’ Għawdex, u l-importanza li l-prijoritajiet ta’ Malta, fosthom l-immigrazzjoni irregolari, jitpoġġew fuq l-aġenda.

Ixxerja din l-istqarrija Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Stqarrijiet Oħra:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

Aktar Stqarrijiet Right arrow