STQARRIJA MAĦRUĠA MILL-MINISTERU GĦALL-FAMILJA U SOLIDARJETA’ SOĊJALI
Solidarjeta’ inter-ġenerazzjonali
Waqt il-konferenza annwali ‘Prevenzjoni u Kontroll tal-Infezzjonijiet’ organizzata mir-Residenza San Vincenz de Paul flimkien mad-Dipartiment għall-Anzjani, il-Ministru għall-Familja u Solidarjeta’ Soċjali, Marie-Louise Coleiro Preca ħeġġet is-solidarjeta’ inter-ġenerazzjonali bil-għan li jkun hawn kuxjenza akbar dwar l-importanza tal-prevenzjoni tal-infezzjonijiet.
Qalet li fi Sptar bħalma hu San Vincenz de Paul, jenħtieġ li jsir proġett mal-iskejjel fejn ikunu t-tfal li jħeġġu lill-anzjani jaddottaw metodi ta’ prevenzjoni ta’ infezzjonijiet fosthom permezz tal-iġjene.
Il-Ministru Coleiro Preca sostniet li l-prevenzjoni tolqot lil kulħadd, mill-mara tad-dar sal-Carers u l-infermiera f’San Vincenz de Paul.
Għalhekk hi qalet li għarfien aħjar u determinazzjoni akbar biex niġġieldu l-infezzjonijiet jistgħu jwasslu għal soċjeta’ iktar b’saħħitha.
Temmet tgħid li dan l-Isptar jista’ jkun katalista b’mod partikolari fejn jidħlu bidliet kbar fost l-anzjani, li jikkostitwixxu kwart tal-popolazzjoni Maltija.
Hija irringrazzjat lill-impjegati tal-impenn u d-determinazzjoni tagħhom f’dan il-qasam għaliex ‘il-qasam soċjali mhuwiex sempliċiment karriera, iżda huwa qasam mibni fuq il-qalb kbira tal-Maltin.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en