GARANZIJA TA’ IMPJIEG LILL-GWARDJANI LOKALI
Waqt laqgħa mal-gwardjani lokali s-Segretarju Parlamentari Josè Herrera qal li l-Gvern qed jagħti garanzija ta’ impjieg lill-gwardjani lokali u l-istaff amministrattiv li bħalissa hemm jaħdem mas-sistema. Huwa qal dan f’laqgħa fil-bini tal-GWU u li għaliha attendew il-maġġoranza assoluta tal-gwardjani lokali u l-istaff amministrattiv li hemm jaħdem mas-sistema.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-pern tas-sistema ta’ infurzar hija imsejsa fuq iċ-ċittadin u l-gwardjan lokali. “Il-mira ta’ dan il-gvern hija li jeleva l-istatus tal-gwardjan lokali. U dan se jkun qed isir b’għadd ta’ modi inkluż titjib fil-kundizzjonijiet tal-gwardjani lokali li bħalissa huma batuti ħafna,” tenna s-Segretarju Parlamentari. “Ir-riforma tal-gwardjani lokali hija opportunità. Din ir-riforma mhux se tolqotkom negattiv anzi, għax il-Gvern jemmen fix-xogħol li qed tagħmlu, il-kundizzjonijiet tagħkom se jmorru għall-aħjar”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Huwa radd ħajr lin-nies li kkontribixxew tul is-snin biex is-sistema timxi ‘l quddiem, inkluż il-gwardjani lokali li għal tant u tant żmien iffaċċjaw u għadhom qed jiffaċċjaw il-pubbliku. “L-għan aħħari tagħna huwa li intkom tkunu l-ħabib taċ-ċittadin u dan il-Gvern urieh li jista’ jsir waqt l-inizjattiva ta’ San Valentinu fil-gżira Għawdxija. Hemmhekk il-gwardjani lokali intalbu biex ma jagħtu l-ebda ċitazzjoni u minflok iqattgħu l-ħin jedukaw lill-pubblika,” tenna s-Segretarju Parlamentari.
Filwaqt li ggarantixxa l-impjieg lill-gwardjani preżenti, Herrera enfasizza fuq il-bżonn tat-taħriġ li jrid jingħata. Huwa qal li l-gwardjani lokali se jibdew jingħataw paga diċenti li tirrifletti x-xogħol li jagħmlu.
Is-Segretarju Parlamentari fakkar li l-proposta tal-Gvern hija li l-gwardjani lokali jitpoġġew taħt unit ċentrali biex b’hekk iservu aħjar lis-sistema.
Minn naħa tiegħu s-Segretarju tat-Taqsima tal-GWU li tirrapreżenta lill-Gwardjani Lokali Dr. Cory Greenland radd ħajr lis-Segretarju Parlamentari tal-impenn li qed juri favur il-gwardjani lokali.
Il-ħaddiema li tkellmu qalu t-tbatijiet li għaddew minnhom tul is-snin, ilmentaw min-nuqqas ta’ taħriġ u appellaw għal kampanja pożittiva favur ix-xogħol li qed jagħmlu.
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en