IL-FUTUR TAS-SETTUR TURISTIKU JRID JINBENA FUQ IS-SERVIZZ LI JIRĊIEVU T-TURISTI F’MALTA
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu b’rikonoxximent lil bosta ħaddiema fis-settur turistiku li ddistingwew ruħhom matul l-2013, fosthom lil Annie Galea ta’ 81 sena sid il-guesthouse ‘ASTI’ fil-Belt Valletta
F’ċerimonja organizzata lbieraħ filgħaxija mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bl-isem ta’ STAR Awards 2013, kienu onorati bosta impjegati li lkoll jaħdmu fis-settur turistiku u li matul l-2013 iddistingwew ruħhom għal-livell ta’ servizz li taw lit-turisti. Dawn kienu jinkludu fost l-oħrajn ħaddiema li jaħdmu fis-sezzjoni tal-food & beverage, front office, diving instructors, bejjiegħa fi ħwienet tas-souvenirs u gwidi tat-turisti.
Fl-indirizz tiegħu, il-Ministru għat-Turiżmu Karmenu Vella saħaq fuq l-importanza li t-turisti jingħataw servizz tajjeb meta jkunu f’pajjiżna. Sostna li s-suċċess ta’ Malta fil-qasam turistiku ma jiddependix biss fuq dak li qed jagħmlu l-kompetituri tagħna u fuq kif ikunu sejrin l-ekonomiji tal-pajjiżi differenti u għaldaqstant il-futur tas-settur irid jinbena fuq il-livell tas-servizz li l-impjegati jagħtu ta’ kuljum. F’dan ir-rigward huwa appella biex f’pajjiżna nkomplu ngħollu s-servizz li noffru.
Karmenu Vella kwota statistika li turi kif matul is-sena li għaddiet, 32% tat-turisti kollha li waslu f’pajjiżna kienu tat-tip ‘repeat visitors’ u saħaq li din tikkonferma kemm dawn irċevew servizz tajjeb. Fl-istess ħin sostna fuq il-ħtieġa li nkomplu naħdmu biex din iċ-ċifra tkompli tikber.
Il-Ministru Vella faħħar il-fatt li t-turisti ngħataw l-opportunità li jkunu huma nfushom li jinnominaw impjegati li jħossu li jistħoqqilhom jingħataw rikonoxximent għas-servizz tajjeb li jkunu tawhom, u qal li dan qed jagħti leħen lit-turisti li jżuruna.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Josef Formosa Gauci fisser kif din hija d-disa’ darba li dawn l-iSTAR Awards qed jittellgħu fejn kull sena qed iżżid aktar fil-popolarità. Semma’ kif did-darba l-Awtorità laħqet il-figura ta’ 6000 nomina li waslu mingħand bosta turisti li nnominaw numru sabiħ ta’ impjegati li ġejjin minn kull qasam u grad. Huwa fisser dan bħala sodisfazzjon kbir hekk kif l-Awtorità tqis kull nomina bħala ċertifikat ta’ eċċellenza fis-servizz u l-prodott offrut lit-turist, kif ukoll sodisfazzjon personali għan-nominat li qed jiġi rikonoxxut bħala ambaxxatur denju tal-industrija turistika Maltija.
Meta rrefera għar-riżultati mill-aktar pożittivi li kiseb pajjiżna s-sena l-oħra fis-settur turistiku, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu qal li parti sostanzjali għas-suċċess miksub huwa wkoll mertu għall-impjegati fis-settur li ta’ kuljum ikollhom kuntatt dirett mat-turist fuq il-postijiet tax-xogħol.
Waqt is-serata, is-Sur Francis Busuttil li jaħdem bħala Director Revenue Management fil-lukanda Westin Dragonara rċieva r-rikonoxximent bħala l-Hotel Worker of the Year filwaqt li s-Sinjura Annie Galea ta’ 81 sena ingħatat rikonoxximent speċjali għall-impenn tagħha bħala s-sid tal-guesthouse ‘ASTI’ fil-Belt Valletta li għadha toperaha sal-lum.
Sitt impjegati oħra li d-dettalji qed jidhru hawn taħt irċevew rikonoxximent fis-settur li jaħdmu fih wara li spiċċaw rebbieħa fost numru sabiħ ta’ nominati:
Kategorija | Rebbieħ | Impjieg |
Hotels- Food & Beverage | Joseph Vella | Barman-Seashells Resort at Suncrest |
Hotels-Front Office/Housekeeping | Abba Azzopardi | Receptionist –Maria Giovanna Hostel |
Shop Assistant | Chandru Mohnani | Sid tal-ħanut Novelty Shop |
Sports Instructor | Mick Burbeary | Diving Instructor – H20 Diving |
Sports Instructor | Mark Furnival | Diving Instructor – Paradise Bay |
Tourist Guide | Joan Gaffiero | Tourist Guide |
Testimonials from tourists about Ms Annie Galea’s service at ASTI Guesthouse - Valletta
Other Press Releases:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en