25 SENA TA’ SERVIZZ LILL-KOMUNITÀ MINN HOSPICE MALTA
“NGOs bħal Hospice Malta huma ċelebrazzjoni ta’ altruwiżmu. Allaħares fid-dinja m’hawnx nies bħalkom”. Dan qalitu l-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affarijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Dott. Helena Dalli waqt it-tnedija ta’ programm ta’ attivitajiet fl-okkażjoni tal-25 sena mit-twaqqif ta’ Hospice Malta.
Dott. Dalli qalet li m’għandhiex kliem biżżejjed biex tirringrazzja lill-ħaddiema u l-volontiera ta’ din l-organizzazzjoni għax-xogħol kbir li wettqu u se jkomplu jwettqu fis-soċjetà Maltija.
Il-Ministru Dalli qalet li Hospice Malta qed taħdem f’qasam fejn tispikka l-fraġilità tal-ħajja. Hija tkellmet dwar is-servizz ta’ kura paljattiva li Hospice Malta tagħti kemm lill-pazjenti tal-kanċer, kif ukoll lil dawk li għandhom mard respiratorju, tal-qalb u tal-kliewi.
Dalli qalet li l-għajnuna li Hospice Malta tagħti lil dawn il-pazjenti u lill-qrabathom, b’mod partikolari lil dawk li jkunu waslu fl-aħħar ta’ ħajjithom, hija essenzjali biex titjieb il-kwalità tal-ħajja tagħhom.
Il-Ministru Dalli qalet li l-NGOs huma utli biex, apparti s-servizz li jagħtu lill-klijenti diretti tagħhom, jagħtu wkoll għajnuna lill-Gvern fit-tfassil ta’ politika u leġislazzjoni peress li ħafna drabi dawn ikollhom snin twal ta’ esperjenza u jkunu qed jaħdmu direttament man-nies involuti fil-qasam tagħhom.
Waqt il-laqgħa tkellmet ukoll is-Sinjura Lara Cascun, li hija ċ-Chairperson ta’ Hospice Malta. Is-Sinj. Cascun qalet li l-bord tat-tmexxija huwa sodisfatt ħafna bil-livell għoli ta’ kura paljattiva li tingħata lill-pazjenti.
Hi tkellmet dwar kif Hospice Malta twaqqfet f’Malta fl-1989 biex tagħti kura paljattiva lill-pazjenti tal-kanċer u lil qrabathom. Dan is-servizz illum qed jingħata lil ferm aktar pazjenti li għandhom mard serju ieħor.
Matul l-aħħar 25 sena l-Hospice Malta kellha aktar minn 7,000 pazjent. Fil-preżent, medja ta’ 50 pazjent fix-xahar ikunu referuti għal din l-organizzazzjoni.
Aktar tagħrif dwar Hospice Malta jista’ jinkiseb minn fuq is-sit www.hospicemalta.org.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en