STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦALL-ENERĠIJA U L-KONSERVAZZJONI TAL-ILMA
Huwa korrot minn ikun jaf li hemm is-serq u ma jieħux azzjoni. Tissokta l-ipokrezija minn naħa tal-Oppożizzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil mhux biss irid li ma jinġabrux il-flus li ntilfu f'serq permezz tar-racket tal-ismart meters iżda nesa jistħi, u jgħid li l-Gvern preċedenti fl-2010 kien neħħa l-Compliance Unit li kien jaghmel il-moniteraġġ għas-serq ta' elettriku, tant li s-serq sploda fis-snin ta wara.
Nesa wkoll li l-Gvern preżenti qed jimxi ma' avviż legali mdaħħal minn Gvern Nazzjonalista.
Waqt li qed jikkritika lill-Gvern li jrid li jinqabad il-moħħ wara dan ir-racket, mhux qed jgħid li Gvern Nazzjonalista kien ried lil min seraq iħallas mitt lira biss ta' dan is-serq.
Din l-iskema mdaħħla mill-Gvern Nazzjonalista tkompli tikkonferma kemm il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern kien jaf bis-serq u tistipula wkoll li min iħallas din il-mitt lira, ma jittieħdux passi kriminali kontra tiegħu.
Għal kuntrarju, dan il-Gvern, kif titlob is-serjeta' qed jinsisti li dawk li serqu mhux biss iroddu lura dak li ħadu iżda jħallsu l-penali u jiġu ‘l quddiem b'informazzjoni.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, illum għażel ukoll li jkompli għaddej bil-kampanja ta' biża b'rabta mal-proġett tal-Gvern li se jkun qed iwassal mhux biss biex jorħsu l-kontijiet għal familji Maltin u Għawdxin u aktar tard għan-negozji iżda għal arja iktar nadifa.
Dan meta jaf tajjeb li għal dan il-Gvern, is-saħħa u s-sigurta' huma l-aktar prijorita'. Jixhed dan, il-fatt li b'rabta ma' dan il-proġett, mhux biss saru l-istudji neċessarji iżda se jkunu qed isiru studji ohra mħejjija minn esperti indipendenti fejn il-Gvern se jkun qed jimxi mar-rakkomandazzjonjiet li jsirulu.
L-Oppożizzjoni mmexxija minn Simon Busuttil ilha għaddejja b'din il-kampanja sa minn qabel l-elezzjoni ġenerali meta kienu jbeżżgħu bit-tankijiet daqs il-koppla tal-Mosta u għadha ma fehmitx li l-poplu jrid kontijiet orħos u arja iktar nadifa.
Għalhekk flimkien mar-rappreżentanti tal-Partit Nazzjonalista qed jagħmlu dikjarazzjonijiet intiżi biss biex ibeżżgħu, liema dikjarazzjonijiet fl-ahhar gimghat ġew imgiddba minn diversi istituzzjonijiet inkluż mill-Kummissjoni Ewropea u esperti fil-qasam.
Li kien għall-Oppożizzjoni, il-familji Maltin u Għawdxin jibqgħu iħallsu l-ogħla kontijiet tad-dawl u l-ilma , jibqgħu imwikkija bil-heavy fuel oil, jibqgħu b'Enemalta falluta u bis-serq tal-elettriku.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en