STQARRIJA MILL-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA
Ilbieraħ, il-Ġimgħa 21 ta’ Frar, il-President tal-MUMN, is-Sur Paul Pace, irrifjuta li jattendi laqgħa konsultattiva fil-Ministeru għas-Saħħa, bl-aġenda: “Strategic Business Units”, wara li kien diġà intlaħaq qbil mal-MUMN stess, li din il-laqgħa għandha ssir.
Ir-raġuni li ta biex ħassar il-laqgħa kienet, li apparti l-Ministru, Paul Pace ried jiddetta hu min mill-uffiċjali għolja tal-gvern, kellhom ipoġġu mal-mejda.
Mill-bieraħ għal-lum, Paul Pace ħareġ 2 direttivi oħra li jaffettwaw l-Isptar Paul Boffa u t-teatri tal-Isptar Mater Dei.
Il-Ministeru għas-Saħħa għal xhur sħaħ ilu jagħmel l-almu kollu possibbli biex jinżammu relazzjonijiet industrijali tajba ma’ kull union, fosthom l-MUMN.
Il-Ministru għas-Saħħa, Dr. Godfrey Farrugia, għadu kemm bagħat l-ittra riprodotta hawn taħt, lill-Paul Pace.
Il-Ministru għas-Saħħa jibqa’ disponibbli bħalma dejjem kien biex jiddiskuti u jikkonsulta madwar mejda mal-unions kollha, inkluż l-MUMN.
Sur Pace,
Huwa d-dmir u l-obbligu tiegħi illi niġbidlek l-attenzjoni għall-fatt illi il-mira ta' kull min għandu x'jaqsam mal-qasam tas-Saħħa għandha tkun saħħet il-pazjent.
B'dispjaċir qed jiġi innutat illi bosta mid-Direttivi qed jimminaw direttament jew indirettament il-kura illi huwa intitolat għaliha l-pazjent. Niġbidlek l-attenzjoni li huwa l-obbligu tal-MUMN li anki f’materji ta’ relazzjonijiet industrijali hija għandha timxi in bona fede u b’mod proporzjonat.
Wieħed jistenna illi jekk verament wieħed għandu għal qalbu is-servizz tas-saħħa u li dan ikun jitħaddem bl-aħjar mod għall-ġid tal-pazjent u l-impjegati illi jagħtu s-servizz tagħhom fih, wieħed għandu jpoġġi madwar mejda u b'mod kostruttiv jiddiskutu l-mixja ’l quddiem. Id-direttivi maħruġa ma jagħmlux dan, anzi jxekklu s-servizz mogħti fl-isptar u dan b'detriment għas-saħħa tal-pazjent.
Għandna nfakkruk kif irriteniet il-qorti anke f’każijiet li kienu jinvolvu l-union tal-infermiera stess, li huwa l-obbligu ta’ kull impjegat li meta jmur għax-xoghol jagħmel ix-xogħol li jkun ordnalu l-prinċipal tiegħu.
L-aġir tiegħek mhux aċċettabbli fil-konfront ta' min hu vulnerabbli. Dan l-aġir qed jiġi deplorat.
Hon Dr Godfrey Farrugia
Ministru tas-Saħħa
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en