Left arrow Go Back

DISKORS MILL-MINISTRU TAS-SAĦĦA DR GODFREY FARRUGIA WAQT IS-SEMINAR: LEĠIŻLAZZJONI DWAR KAPAĊITA’ MENTALI F’MALTA - PALAZZ VERDALA, BUSKETT

pr140317
Date Icon 22/02/2014

Eċċellenza,

Onorevoli kollegi,

Mistednin Distinti,

Sinjuri.

Huwa unur għalija li nilqa’ u nindirizza   din l-udjenza distinta dwar tema li minn jaf kemm-il darba sibt ma wiċċi bħala tabib tal-familja.   Minn jaf kemm kelli nieħu deċiżjoni jekk pazjent jistax jeżerċita kontroll fuq xi aspett jew diversi aspetti tal-ħajja tiegħu. Tafu kemm tafu bniedem din hija responsabbiltà kbira li xi drabi minkejja l-għodod moderni xjentifiċi li jiggwidawna nistabbilixxu dan il-fatt, tirrikorri xorta waħda biex taqsam fehmtek ma’ health care professional ieħor.

Qed nirreferi b’mod partikolari għal meta nkun kostrett biex niddeċiedi jekk pazjent għandux il-kapaċità mentali li jagħmel jew iġedded testment, jieħu ħsieb l-interessi finanzjarji, jew min se jkun il-kustodju legali tiegħu f’nuqqas li l-pazjent ma jistax jiddeċiedi għalih innifsu.

F’dan il-kuntest nemmen li l-kapaċità mentali ta’ kull individwu hija distinta u unika għal kull wieħed u waħda minna. Hija dik il-ħaġa li lilek u lili ttina dak is-sens ta’ għarfien; dak l-individwaliżmu, fejn permezz tal-ħsibijiet tagħna u l-mod kif nipproċessaw dawn il-ħsibijiet aħna jkollna kontroll fuq il-ħajja ta’ kuljum u ħajjitna.   Għalhekk fi ftit kliem meta l-bniedem jitlef il-kapaċità mentali tiegħu xi ftit jew wisq jitlef ukoll il-kontroll fuq il-ħajja tiegħu.

L-elementi essenzjali li flimkien jiffurmaw u jiddiskrivu l-kapaċità mentali ta’ kull wieħed u waħda minna huwa mezz li bih aħna nkunu nistgħu nifhmu niftakru niżnu u nwieżnu kull tip ta’ informazzjoni sabiex nifformolaw l-għażliet tagħna li wara kollox hija fehmtna u li nikkomunikaw b’mod ħieles meta u kif jidhrilna filwaqt li nkunu ħadna inkunsiderazzjoni l-konsegwenzi tal-att.

Naqsam magħkom ukoll il-fatt li xi drabi   mhux dejjem inkunu konxji li qed ngħaddu minn dan il-proċess kollu ta’ taħbil il-moħħ u li ma ngħarfux biżżejjed  id-dehen li l-bniedem huwa maħluq bih.

’L hemm mill-eżempju li semmejt li huma relatati ma’ deċiżjonijiet marbuta fuq propjetà u finanzi   fuq bażi aktar wiesgħa jinqalgħu ċirkostanzi fejn ninnota li għax ma naqblux ma persuna li jkollha għażla ta’ fehma differenti minn tagħna; jew forsi għax ma nistgħux nifhmuha; jew għax m’għandniex il-paċenzja li nfehmuha b’mod aktar fit-tul ħalli tkun tista’ tifhem aħjar;  jew għax ma nagħtuhiex dik l-għajnuna meħtieġa biex tkun tista’ tieħu l-aħjar deċiżjoni; jew agħar minn hekk   għax forsi nkunu ġġudikajna qabel il-waqt mid-dehra u l-apparenza tagħha, naslu għall-konklużjoni żbaljata li dik il-persuna m’għadhiex tirraġuna u nispiċċaw nieħdu dik id-deċiżjoni minn floku jew inkella ninqdew b’tal-familja.

Fil-fehma tiegħi nkunu qed nonqsu.

Inkunu qed inneżżgħu persuna mid-dinjità tagħha.

Hawn l-aktar qed nirreferi għal deċiżjonijiet li jittieħdu minn professjonisti waqt qadi ta’ dmirijiethom relatati mal-kura u saħħa jew stat personali bħal każ ta’ persuna b’diversi diżabilitajiet, sija fiżiċi, intellettwali jew emozzjonali; persuni b’xi diżordni mentali jew bi problemi ta’ mġieba; għall-anzjani, għal tfal u addoloxxenti; persuni li jsibuha diffiċli jew ma jistgħux jikkomunikaw sew minħabba ilsna barranin   persuni bi problema t’alkoħol jew abbuż ta’ sustanza oħra persuni morda jew li qed isofru minn ċerti kundizzjonijiet bħal puplesija (stroke)   Parkinsonism  dimensja xi marda organika oħra tal-moħħ jew persuni morda li waslu f’tarf ħajjithom.

Għalhekk jien nemmen li bħala professjonisti għandna dejjem nimxu fuq il-premessa li kull bniedem għandu kapaċità mentali tajba u wara nistħarrġu l-każ b’mod kawtel.

Nemmen ukoll   li kull deċiżjoni ma għandhiex tkun dik id-deċiżjoni li bħala health care givers tkun l-aħjar waħda klinikament.   Trid tkun deżiżjoni li naslu għaliha wara li nkunu sirna nafu sew lill-persuna li jkollna quddiemna.

·         Triq tkun deċiżjoni li twieġeb domandi li min jaf kemm staqsejt lili nnifsi:

o   Fl-aħħar mill-aħħar, x’kienet tkun tixtieq din il-persuna?

o   X’deċiżjoni kienet tasal għaliha  li kienu kellha l-kapaċita’ mentali li tifhem u tixtarr l-informazzjoni relatata?

Mhux faċli.

Bħal meta mhux faċli meta quddiemek ikollok persuna diżorjentata jew f’delirju persuna b’imġieba li ma tidhirx li qed tgħaraf is-sitwazzjoni; persuna li tirrifjuta kura li għalina tidher tant importanti;   persuni li jbatu minn xi diżabilità intellettwali; x’għandna nagħmlu?

X’għandha tkun ir-reazzjoni tagħna?

X’attitudni professjonali għandna nieħdu?

X’qed jipproteġi lill-pazjent?

Dawn huma l-isfidi li jaffaċċja l-health care professional.

Fejn tidħol id-diżordni mentali jekk Alla jrid f’Ottubru li ġej  se jidħlu fis-seħħ il-provvedimenti tal-liġi tas-saħħa mentali   li jirrigwardjaw il-kapaċità mentali f’dan il-qasam. Għalhekk l-enfasi illum għandu jkun aktar fuq kura u saħħa.

L-aħħar punt: min uża l-kapaċità mentali tiegħu u ddeċieda f’isimna li jlaqqa’ din il-ġemgħa f’dan il-palazz presidenzjali marbut ma’ ġrajja u identità, għaraf jagħmel għażla meqjusa u tajba.

Prosit mill-qalb u nawgura sessjoni li flimkien naslu għal deċiżjoni aktar aħħarija!

Grazzi.

Share this Press Release Icon socials Icon socials Icon socials Icon socials

Other Press Releases:

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTRU U L-MINISTERU GĦAS-SAĦĦA   Imtella’ s-Seminar Annwali tal-Infermiera tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità biex tkompli titjieb il-kwalità tal-kura mogħtija lill-anzjani

PR262039

STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

PR262038en

FOOD SAFETY AND SECURITY AUTHORITY NOTICE

More Press Releases Right arrow