JIBDA L-PROĊESS TA’ KONSULTAZZJONI PUBBLIKA DWAR IL-KUNSILLI LOKALI
Dalgħodu is-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera indirizza l-ewwel laqgħa ta’ diskussjoni mal-pubbliku li matulha qed jisma x’għandhom xi jgħidu n-nies, kunsilliera u oħrajn dwar il-Kunsilli Lokali. Għal-laqgħa tal-lum kienu preżenti dawk li jgħixu u jaħdmu fir-Reġjun taċ-Ċentru u Tramuntana. Il-laqgħa saret f’lukanda ewlenija ġewwa Buġibba.
Is-Segretarju Parlamentari Jose’ Herrera qal li fit-3 snin li s-sistema ilha imħaddma mill-Kumitati Reġjonali fir-reġjun tat-Tramuntana inħarġu b’kemm jiswew 2.8 miljuni li minnhom tħallsu 2 miljuni. Minn dawn 1.7 miljun ewro marru għand il-privat bil-kumplament, ir-Reġjun irid iħallas l-ispejjeż amministrattivi li għandu u għalhekk ma jibqa kważi xejn biex jitqassam lill Kunsilli Lokali.
Min-naħa l-oħrajn fir-reġjun taċ-Ċentru, is-Segretarju Parlamentari qal li inħarġu bi 8.5 miljuni li minnhom tħallsu 6.2 miljuni. Minn dawn 5.1 miljun ewro marru għand il-privat bil-kumplament jeħduhom ir-Reġjun biex iħallas l-ispejjeż amministrattivi li għandu. Is-Segretarju Parlamentari qal li meta wieħed iqis li ammont sostanzjali ta’ ċitazzjonijiet mhumiex qegħdin jitħallsu il-bilanċ li qed jibqa f’idejn il Kunsilli Lokali huwa wieħed baxx ħafna. “Għalhekk hemm bżonn ta’ riforma”, tenna s-Segretarju Parlamentari.
Herrera qal li l-akbar spiża qed tmur għand il-kumpaniji tal-Gwardjani Lokali u dan minkejja li s-servizz huwa wieħed ħażin. Huwa qal li din ir-riforma u oħrajn se jsegwu bħala parti mill-ħidma li s-segretarjat qed jagħmel biex ifakkru l-anniversarju ta’ l-20 sena mit-twaqqif tal-Kunsilli Lokali.
Is-Sistema tal-infurzar lokali ddaħlet 14 –il sena ilu u r-riforma li qed ikun proposta mistenni li tkun waħda pożittiva. Huwa qal li “White Paper” tal-lum hija l-bidu ta’ proċess ta’ konsultazzjoni li ser jibqa’ għaddej bih sat-18 t’April. “Proċess li permezz tiegħu qegħdin nagħtu iċ-ċans lil kulħadd jesprimi l-opinjoni tiegħu,” tenna s-Segretarju Parlamentari.
Il-White Paper qegħda tipproponi li jitwaqqaf Unit ċentrali li jibda joffri is-servizz lill-Kumitati Reġjonali. Dan il-Unit li jkollu Kap Eżekuttiv u struttura sħiħa fi ħdanu li tkun taħt ir-responsabilita’ tal- “Local Enforcement System Management Committe”. Il-Unit, tenna Herrera, se jiggarantixxi l-impjiegi tal-Gwardjani Lokali u se jaħdem biex isaħħaħ il-kundizzjonijiet tagħhom. L-istess Unit, tenna Herrera, ser jkun qiegħed ifassal pjan biex tonqos l-ispiża u jtejjeb is-servizz mogħti mill-Gwardjani Lokali fl-istess ħin li jassigura li din ir-riforma ma tkunx waħda kosmetika imma fattibbli u li tħalli ir-riżultati mixtieqa.
Matul il-laqgħa intervjena l-pubbliku li matulha faħħar l-inizjattiva li l-Gvern jitkellem man-nies dwar riforma daqstant importanti.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en