JITNIEDA Ċ-ĊENTRU L-ĠDID TAT-TCTC F’GĦAWDEX
“Il-promozzjoni kontinwa tal-informatika u stili ta’ ħajja diġitali bħall-e-gov u servizzi elettroniċi huma fost l-inizjattivi li aħna, bħala Gvern qeghdin impenjati biex insostnu fis-soċjetà tagħna,” tenna s-Segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis. Filwaqt li dan il-Gvern japoġġja opportunitajiet innovattivi minn entitajiet private, Dr. Edward Zammit Lewis sostna li l-iskop ewlieni huwa li tinħoloq soċjetà diġitali kif ukoll jitjieb l-għarfien taċ-ċittadin.
Irrefera għal stħarriġ fejn jirriżulta li madwar terz (28%) tal-popolazzjoni Maltija għadha qatt ma użat l-Internet. Dan iħassibna ħafna, kompla s-Segretarju Parlamentari Zammit Lewis, speċjalment meta wieħed iqis il-ħtiġijiet diġitali fid-dinja ekonomika u fis-soċjetà tal-lum. Wieħed mill-oġġettivi tal-Istati Membri kollha tal-Unjoni Ewropeja hu dak li, possibbilment, 85% tal-popolazzjoni tuża l-Internet. Flimkien irridu naħdmu biex niksbu dan l-għan u li kull ċittadin ikun jista’ juża t-teknoloġija b’mod għaqli u li jkun ta’ valur għalih u għas-soċjetà, sostna Dr. Edward Zammit Lewis.
Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Gvern ser iniedi wkoll l-Istrateġija Nazzjonali tal-ICT, li tkopri s-snin ta’ ħidma bejn l-2014 u l-2020 f’dan il-qasam. Strategija li telenka numru ta’ inizjattivi, fisser is-Segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis li ser iwasslu biex Malta tilħaq il-miri stabbiliti fid-Digital Agenda Ewropea. F’dan il-kuntest, l-istrateġija ser twassal biex, insaħħu u nkabbru l-ekonomija Maltija f’dinja globalizzata permezz tat-teknoloġija; insaħħu l-kwalità tal-ħajja, b’impenn lejn soċjetà aktar inklussiva, kif ukoll nattwaw il-potenzjal ta’ amministrazzjoni pubblika aktar effiċjenti, aċċessibbli u trasparenti.
“Dan il-Gvern qed jaħdem kontinwament biex inaqqas din id-digital divide li tirrifletti b’mod speċjali minn 40+ sena u dawk anzjani. L-edukazzjoni tal-Informatika tgħin biex nimxu ’il quddiem għal impenn komunitarju fl-użu ta' servizzi elettroniċi b’mod wiesgħa fis-soċjetà tagħna kif ukoll ittejjeb l-effiċjenza governattiva kif ukoll tagħti spinta biex titnaqqas il-burokrazija żejda,” temm jgħid is-segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis.
Minn naħa tiegħu l-Ministru għal Għawdex, Dr. Anton Refalo, wera s-sodisfazzjon tiegħu għan-numru sostanzjali ta’ Għawdxin li qegħdin juru l-interess tagħhom fit-tagħlim tal-informatika.
Huwa tenna kif it-tagħlim fil-qasam diġitali huwa bżonnjuż fil-gżira Għawdxija għaliex dan jgħin fl-iżvilupp soċjoekonomiku. Il-gvern permezz ta’ politika proattiva għaraf li ċ-ċavetta ewlenija biex tittaffa l-problema tal-insularita doppja f’Għawdex hija l-iżvilupp fil-qasam tal-użu tal-mezzi tat-teknoloġija tal-informatika.
Fl-isfond ta’ dan, il-Ministru Refalo sostna l-importanza tal-bidla fil-mentalità u l-ideat: “Huwa vitali li ngħarfu r-realtajiet tal-preżent u l-futur u l-bżonn li ninbidlu mal-bqija tal-dinja. B’hekk nibdew inħarsu oltre mill-kumpaniji tal-materja prima u nkomplu naħdmu biex nattiraw kumpaniji tas-software u l-igaming”. Il-Ministru Refalo għalaq billi wera s-sapport kollu tal-Ministeru għal Għawdex għal inizjattivi bħal dawn biex flimkien ma’ kumpaniji privati u l-kunsilli lokali tkompli l-ħidma biex jitnaqqas l-illiteriżmu diġitali.
Stqarrijiet Oħra:
PR262039
STQARRIJA MIS-SEGRETARJAT PARLAMENTARI FL-UFFIĊĊJU TAD-DEPUTAT PRIM MINISTR...
PR262038en